Internazzjonali

Santorini: L-impatt mill-attività siżmika jinħass anki fis-settur tat-turiżmu

Il-gżira Griega ta’ Santorini – li ilha s-snin fost l-aktar destinazzjonijiet frekwentati mit-turisti – qed tirreġistra tnaqqis notevoli fit-turiżmu għall-ewwel darba miż-żmenijiet tal-pandemija tal-Covid 19.

Fil-fatt, il-movimenti tan-nies fil-belt ta’ Fira, il-kapitali ta’ Santorini, huma ħafna anqas minn tas-snin preċedenti, bis-sidien tal-istabbilimenti qed jinkwetaw dwar l-impatt għan-negozji rispettivi.

Sadnaittant, l-attività siżmika regolari – karatterizzata mit-terremoti – qalb iz-zoni tal-Eġew viċin il-Greċja ssemmiet bħala fattur importanti fid-deċiżjonijiet tal-barranin biex ma jqattgħux il-btajjel tas-sajf f’Santorini.

U minkejja l-possibbiltà li  t-turiżmu lejn Santorini jiżdied aktar ma jidħol is-sajf, ma hemm xejn x’jindika  li t-traffiku tat-turisti jista’ javviċina ċ-ċifri għoljin tal-aħħar snin bejn ix-xhur ta’ Lulju u Settembru.