Lokali Qorti

Sewwieq tal-cabs mixli li ta daqqiet b’arma lil passiġġier wara argument, itenni li kien aggredit

Żagħżugħ ta’ 23 sena, Abdul Hakin Melles, ċittadin Eritrean residenti l-Marsa, tressaq il-Qorti taħt arrest wara li ġie mixli li kkawża ġrieħi gravi lil wieħed minn tliet passiġġieri klijenti waqt ġlieda li seħħet il-Ħadd filgħaxija waqt vjaġġ lejn Golden Bay.

Il-prosekuzzjoni qalet li tliet individwi marru l-Għassa tal-Pulizija ta’ San Ġiljan fejn allegaw li kienu ġew imkeċċija mill-vettura minn sewwieq irrabjat, u waqt argument, wieħed minnhom ġie aggredit b’daqqiet f’rasu, dahru u wiċċu.

Il-passiġġieri pprovdew numru ta’ reġistrazzjoni tal-vettura u ritratt tas-sewwieq lill-pulizija. Meta l-pulizija avviċinaw lis-sid tal-karozza u wrieh ir-ritratt, dan ma rrikonoxxiex lis-sewwieq.

L-għada, is-sewwieq deher fl-istess għassa biex jirrapporta li kien ġie aggredit hu wkoll mit-tliet passiġġieri. L-istess uffiċjali li kienu trattaw l-ewwel rapport rrikonoxxewh mir-ritratt mogħti l-jum ta’ qabel u arrestawh minnufih.

Il-pulizija ħaduh fiċ-ċentru tas-saħħa tal-Furjana biex jinkiseb ċertifikat mediku għall-ġrieħi tiegħu. Fil-Qorti ntqal li filmati tas-CCTV wrew li l-akkużat kien imdawwar mit-tliet passiġġieri u ntlaqat hu l-ewwel f’rasu.

Melles ġie akkużat li kkawża ġrieħi gravi b’arma li taqta’ u bil-ponta, li ħebb għal persuni u li kiser il-paċi pubblika u li saq vettura mingħajr kopertura tal-assigurazzjoni. Hu wieġeb mhux ħati għall-akkużi.

L-Avukat tad-Difiża Gianluca Cappitta talab il-ħelsien mill-arrest, u sostna li hemm bżonn ta’ bilanċ peress li kienet il-parti l-oħra li bdiet il-konfront u l-partijiet ma jafux lil xulxin. Saħaq ukoll li ma nstabet ebda arma fuq il-post.

Il-prosekuzzjoni, immexxija mill-Avukat tal-Istat Miryea Mifsud u l-Ispettur Darryl Farr, oġġezzjonat għat-talba peress li għad iridu jixhdu x-xhieda pajżana Il-Maġistrat Marse-Ann Farrugia ċaħdet it-talba għall-ħelsien mill-arrest iżda ordnat li x-xhieda jiġu msejħa fil-ewwel seduta.