Lokali Qorti

Sirjan jintbagħat lura l-Ungerija biex jiskonta sentenza ta’ priġunerija

Il-Qorti f’Malta ddeċidiet li Loiai Aljelda, raġel Sirjan ta’ 53 sena, għandu jiġi estradit lejn l-Ungerija sabiex jiskonta sentenza effettiva ta’ priġunerija ta’ kważi ħames snin, wara li ġie arrestat f’Malta fuq mandat Ewropew.

Il-każ instema’ quddiem il-Maġistrat Leonard Caruana fil-Qorti tal-Maġistrati, wara li l-Pulizija, b’rappreżentanza tal-Ispettur Roderick Spiteri, ressqet lil Aljelda quddiem il-Qorti fuq il-bażi ta’ Mandat ta’ Arrest Ewropew maħruġ mill-awtoritajiet Ungeriżi.

Skont id-dokumenti ppreżentati fil-Qorti, Aljelda kien ġie kkundannat fl-Ungerija fl-2020 għal diversi reati kriminali relatati ma’ dokumenti foloz u reati oħra, u ngħatat piena ta’ tmien snin priġunerija. Madankollu, wara li qatta’ madwar tliet snin taħt arrest u detenzjoni bejn l-2020 u l-2023, huwa ngħata rilaxx kondizzjonali.

Minkejja dan, qabel ma ngħatat is-sentenza finali fil-Qorti tal-Appell fl-2024, Aljelda telaq mill-Ungerija u wasal Malta b’mod li, skont l-awtoritajiet Ungeriżi, ma kienx awtorizzat. Għaldaqstant, ġie meqjus li kien “maħrub illegalment” u beda jiġi mfittex fuq livell Ewropew.

Fil-Qorti, Aljelda sostna li ħalla l-Ungerija legalment wara li ngħata ċertifikat ta’ rilaxx, u li ma kienx jaf li l-proċess kriminali tiegħu kien għadu għaddej. Sostna wkoll li rċieva permess biex ma jerġax jidħol fl-Ungerija għal 10 snin u li kienet qed teżamina applikazzjoni tiegħu għall-protezzjoni f’Malta.

Iżda l-Qorti Maltija ma laqgħetx dawn l-argumenti, u qalet li minkejja r-rilaxx tiegħu, huwa kien għadu suggett għall-ġudizzju u piena kriminali, u li l-proċeduri fl-Ungerija kienu saru skont il-liġi.

Il-Qorti rrifjutat ukoll l-argumenti tad-difiża dwar il-ksur tar-regola “ne bis in idem”, li tipprojbixxi persuna milli tiġi pproċessata darb’oħra għall-istess reat, billi kkonstatat li dan il-punt diġà kien ġie deċiż qabel u ma kienx applikabbli.

Il-Qorti ordnat li Aljelda jiġi estradit lejn l-Ungerija, iżda skont il-liġi, il-proċess ma jistax iseħħ qabel ma jgħaddu mill-inqas sebat ijiem sabiex jingħata ċans li jappella mid-deċiżjoni.

Skont is-sentenza Ungeriża, Aljelda għad irid jiskonta 4 snin, 11-il xahar u 6 ijiem ta’ priġunerija.

L-Ispettur Roderick Spiteri mexxa l-prosekuzzjoni.