Internazzjonali

Stati Uniti: Il-protesti f’Los Angeles jistgħu jwasslu għal direttivi aktar ħorox mill-Gvern ta’ Trump fost l-arja ta’ intimidazzjoni


Il-protesti kbar ta’ Los Angeles fejn in-nies qed jopponu l-politika għad-deportazzjonijiet tal-massa kapaċi jipprovdu lill-President Amerikan Donald Trump bl-iskuża li jrid biex jeżerċita l-poteri ‘aktar awtoritarji’ …Poteri li jolqtu mhux biss lill-immigranti mingħajr id-dokumentazzjoni meħtieġa iżda anki persuni u organizzazzjonijiet oħrajn fil-mira tal-Gvern …..Persuni u entitajiet li Trump stess qed jirreferi għalihom bħala ‘elementi tax-xellug li ma jridux jaraw pajjiż stabbli u li  ħsiebhom biss f’li jiżirgħu l-inkwiet fost l-Amerikani.’

Fl-aħħar jiem, eluf kbar ta’ ċittadini f’Los Angeles insistew bil-protesti fit-toroq fost il-mewġa ġdida tal-arresti ta’ ċittadini li ilhom jgħixu u jaħdmu għal snin fl-Istati Uniti.

Fl-aħħar dimostrazzjonijiet, intant, kompla jispikka l-messaġġ popolari li ‘in-nies ta’ Los Angeles’ – fejn hemm il-komunitajiet kbar tal-Ispaniċi — mhumiex se jkunu intimidati jew imbeżżgħin mill-aggressjoni u l-intolleranza tal-Gvern Amerikan.

Ir-rabja nfirxet fost l-Amerikani wara li l-President Trump ħareġ il-Gwardja Nazzjonali biex tirristawra l-ordni fit-toroq ta’ Los Angeles…Dan bl-iskuża li l-Gvern għandu d-dritt biex jikkontrolla ‘kif irid hu’ is-sitwazzjonijiet ta’ rewwixta fi kwalunkwe zona tal-pajjiż.

Il-Gwardja Nazzjonali hi qawwa riservista magħmulha mit-truppi u fil-passat intużat biss għal sitwazzjonijiet ta’ kriżi partikulari jew għall-emerġenzi nazzjonali. U l-kritika għal Trump u l-Gvern tiegħu qed tikber bis-sigħat minħabba li d-deċiżjoni tal-President titqies bħala ‘tattika bla bżonn li serviet biex iżżid it-tensjoni u l-inkwiet fit-toroq ta’ Los Angeles.’

Fl-aħħar sigħat, il-ftit mijiet tat-truppi tal-Gwardja Nazzjonali spiċċaw iżolati f’zona ta’ Los Angeles fejn ftit li xejn intervjenew fil-konfront tad-dimostanti.

Il-folol tan-nies, sadanittant, ħadu sehem f’dimostrazzjonijiet paċifiċi fin-naħa t’isfel ta’ Los Angeles u fejn inġabru madwar il-bini muniċipali u l-bini tal-qorti federali…Hawnhekk ma naqasx il-kor ta’  insulti għall-President Trump u l-uffiċjali li qed jinfurzaw il-politika għall-arresti ta’ immigranti f’din il-belt u bnadi oħra tal-Istati Uniti….Sitwazzjoni fejn numru allarmanti ta’ persuni qed jispiċċaw arrestati fi djarhom, fit-toroq u anki fuq il-postijiet tax-xogħol waqt li l-awtoritajiet qed jiċħdulhom ukoll mill-għajnuna legali.

Fl-aħħar sigħat, numru kbir ta’ dimostranti spiċċaw fil-‘lock up’ waqt li sorveljati mill-pulizija ta’ Los Angeles. Iżda waqt li kien hemm ukoll inċidenti fejn il-membri tal-Gwardja Nazzjonali sparaw il-gass tad-dmugħ fuq xi dimostranti, il-pulizija tal-LAPD, fil-parti kbira, dehru jżommu lura milli jeżerċitaw il-forza fuq il-folol.

Min-naħa tagħhom, il-Gvernatur ta’ Kalifornja Gavin Newsom u s-Sindku ta’ Los Angeles, Karen Bass, akkużaw lill-President Trump b’li qed jikkumplika aktar is-sitwazzjoni dovuta għar-rejds fuq l-immigranti… Kriżi li kompliet tikber ladarba Trump ħareġ id-direttivi għall-intervent tal-Gwardja Nazzjonali.

Gavin Newsom qal li l-problemi kienu jkunu ħafna anqas li kieku Trump ma għażilx li jaġixxi b’dan il-mod awtoritarju. Newsom akkuża lill-President b’li qed  jabbuża l-kunċett tas-sovranità għall-Istat ta’ Kalifornja li l-belt ta’ Los Angeles tifforma parti minnha, filwaqt li hu u s-Sindku Bass ħeġġew biex Trump inaqqas mit-tensjoni.

Sadanittant, Trump qed jgħid li hu ‘mija-fil-mija ġustifikat’  b’din il-wirja ta’ forza…Dan meta aktar residenti f’Los Angeles qalu li qegħdin jgħixu ‘il-vera esperjenza ta’ oppressjoni b’kaġun tad-direttivi uffiċjali minn Washington’.

Il-protesti f’Los Angeles mistennija jonqsu mill-qilla aktar ma jgħaddi l-ħin u wara li s-Sindku Karen Bass sejħet, diversi drabi, biex id-dimostranti jżommu lura mill-vjolenza u inċidenti li jistgħu jżidu mal-kaos.