Lokali

Tiżdied is-solitudni severa fost żgħażagħ taħt il-21 sena

L-ammont ta’ nies li jħossuhom weħidhom naqas. Iżda n-numru ta’ nies li jħossu solitudni severa ogħla; partikolarment fost dawk taħt il-21 sena.

Dawn ir-riżultati ġew ippubblikati fit-tielet studju li sar dwar is-solitudni, u li kien ippubblikat mill-Professur Andrew Azzopardi.

700 persuna ta’ ‘l fuq mill-11-il sena pparteċipaw f’dan l-istudju. L-ewwel rapport dwar is-solitudni kien sar fl-2019 u t-tieni wieħed kien sar fl-2022.

Permezz skala li hi rikonoxxuta fuq livell internazzjonali, il-parteċipanti wieġbu mistoqsijiet dwar is-solitudni emozzjonali, kif ukoll dwar is-solitudni soċjali.

Fir-riżultati dwar is-solitudni emozzjonali, deher kif 51.1% esperjenzaw forma ta’ solitudni, filwaqt li 48.9% sostnew li ma jħossuhomx waħedhom.

B’mod partikolari ħareġ kif persuni ta’ bejn 11-il sena u l-20 sena jesperjenzaw l-aktar solitudni emozzjonali, possibilment minħabba l-isfidi li jaffaċċjaw bħala addoloxxenti.

Dawk ta’ ‘l fuq minn 71 sena jesperjenzaw livelli ogħla ta’ solitudni minħabba t-telf tal-persuni l-iżjed viċin tagħhom. Dawk ta’ bejn il-41 u l-50 sena jesperjenzaw l-inqas solitudni, possibilment minħabba relazzjonijiet emozzjonali b’saħħithom.

Fir-riżultati dwar is-solitudni soċjali, deher illi l-livelli ta’ solitudni soċjali mhumiex għolja, iżda ssemma’ kif ħadd m’għandu jinjora l-persentaġġ żgħir ta’ dawk li jesperjenżaw livelli ta’ solitudni għolja, hekk kif jista’ jkun hemm implikazzjonijiet fuq is-saħħa mentali tagħhom.

L-istudju juri wkoll li hemm bżonn strateġiji preventivi biex ikun hemm inqas riskji fil-futur.