Internazzjonali

Ukrajna: Jibda l-iskambju tal-priġunieri…fost il-kumplikazzjonijiet inevitabbli

Il-Gvernijiet tal-Ukrajna u r-Russja kkonfermaw il-bidu ta’ proċess ieħor għall-iskambju tal-priġunieri tal-gwerra.

Il-President Ukren, Volodymyr Zelensky, qal li l-iskambju, li se jkompli fil-jiem li ġejjin, għandu jitqassam fuq diversi ‘fażijiet’ u meta l-ewwel fażi qed tinkludi lis-suldati midruba flimkien mat-truppi taħt il-25 sena li ilhom żmien miżmuma priġunieri.

Zelensky fisser il-proċess bħala ‘pjuttost ikkumplikat’ minħabba li skambju fuq dan il-livell jinvolvi ħafna dettalji sensittivi. U waqt li l-gwerra bejn l-Ukrajna u r-Russja għadha qalila daqs qatt qabel, qed ikomplu regolarment in-negozjati relatati ma’ diversi aspetti tal-iskambju.

Ir-Russja qed tgħid li rċeviet ‘diġà’ l-ewwel grupp ta’ priġunieri u li ‘ammont simili ta’ priġunieri tal-gwerra qed jirritornaw lejn l-Ukrajna’….Madankollu, l-ebda pajjiż ma provda ċ-ċifri eżatti dwar in-numri tal-priġunieri meħlusa fuq kull naħa.

L-iskambju sar possibbli wara t-taħditiet tal-ġimgħa l-oħra fit-Turkija bejn id-delegazzjonijeit li kienu qed jirrappreżentaw lill-Istati avversarji.

Dan ukoll wara li l-Ukrajna u r-Russja kienu akkużaw lil xulxin bi tfixkil għall-isforzi lejn ir-ripatrijazzjoni pjanata tal-katavri tas-suldati maqtula b’konsegwenza tal-konflitt.