Lokali

Bernard Grech jirriżenja minn Kap tal-Partit Nazzjonalista

Is-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista Charles Bonello rċieva ittra formali mingħand il-Kap tal-PN Bernard Grech li fiha infurmah li ta r-riżenja tiegħu mill-kariga ta’ Kap tal-Partit Nazzjonalista.

Din id-deċiżjoni, kif spjegata fl-ittra, ittieħdet minn Bernard Grech b’sens qawwi ta’ dover u lealtà lejn il-Partit u lejn il-poplu Malti u Għawdxi, biex il-Partit Nazzjonalista jibda kapitlu ġdid fit-tmexxija tiegħu.

Bernard Grech saħaq li din kienet deċiżjoni diffiċli iżda meħuda b’konvinzjoni li bidla fit-tmexxija issa hija l-pass meħtieġ biex il-Partit ikompli jikber u jissaħħaħ biex ikun gvern alternattiv.

Bernard Grech sejjaħ ukoll laqgħa tal-Kumitat Eżekuttiv tal-Partit Nazzjonalista għall-Erbgħa; biex b’mod immedjat jibda l-proċess formali tal-ħatra ta’ Kap ġdid skont l-Istatut tal-Partit.

Il-Partit Nazzjonalista esprima l-apprezzament tiegħu lejn Bernard Grech għall-ħames snin ta’ tmexxija, snin ta’ sfidi u ħidma bla waqfien biex il-PN jerġa’ jinbena u jissaħħaħ.

Tul dan il-perjodu, il-Partit Nazzjonalista ra tiġdid fil-Grupp Parlamentari, kisbiet elettorali sinifikanti, u l-preżentazzjoni ta’ diversi proposti. Il-PN irnexxielu jirbaħ lura t-tielet siġġu fil-Parlament Ewropew, rebaħ maġġoranzi f’numru ta’ Kunsilli Lokali li qabel kienu mmexxija mill-Partit Laburista, u mexxa ‘l quddiem kampanji qawwija – partikolarment biex saret l-Inkjesta dwar il-mewt taż-żagħżugħ Jean Paul Sofia.