Ambjent Lokali

Fis-sajf, xogħlijiet ta’ twaqqigħ u tħaffir se jkunu pprojbiti minn zoni turistiċi

Xogħlijiet ta’ twaqqigħ u tħaffir se jkunu pprojbiti minn zoni turistiċi magħżula bejn il-15 ta’ Ġunju u t-30
ta’ Settembru 2025. Din l-inizjattiva, li qed tkun ikkordinata bejn l-Awtorità tal-Bini u l-Kostruzzjoni (BCA)
u l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu (MTA), tqis l-inkonvenjent li s-siti ta’ kostruzzjoni għandhom fuq ir-residenzi u l-lukandi tal-madwar.

L-infurzar tal-Leġiżlazzjoni Sussidjarja 623.08 (It-Tielet Skeda 1c) huwa mod wieħed kif jittaffa l-inkonvenjent li s-siti tal-kostruzzjoni għandhom kemm fuq l-industrija tat-turiżmu kif ukoll fuq in-numru
ta’ familji Maltin li jmorru jgħixu f`dawn iz-zoni. Il-fażijiet ta’ twaqqigħ u tħaffir f’sit ta’ kostruzzjoni huma
ta’ inkonvenjent għar-residenzi tal-madwar.

Kwalunkwe xogħol ta’ twaqqigħ u tħaffir illegali li jsir bejn il-15 ta’ Ġunju u t-30 ta’ Settembru 2025, fil-lokalitajiet u t-toroq identifikati, jista’ jiġi rrappurtat lill-Awtorità tal-Bini u l-Kostruzzjoni (BCA) fuq in-numru 138 kemm għal Malta kif ukoll għal Għawdex, waqt u wara l-ħinijiet tal-uffiċċju.

L-Awtorità Maltija għat-Turiżmu hija l-Awtorità kompetenti li tidentifika l-lokalitajiet u t-toroq fejn ma
jistgħux isiru xogħlijiet ta’ twaqqigħ jew tħaffir. L-Awtorità Maltija għat-Turiżmu tirriżerva d-dritt li
tbiddel jew temenda l-lista ta’ toroq kif jidhrilha meħtieġ.