Lokali Qorti

Konfermata sentenza ta’ tliet snin ħabs fuq stupru

Il-Qorti tal-Appell Kriminali preseduta mill-Imħallef Natasha Galea Sciberras, ikkonfermat sentenza mill-Qorti tal-Maġistrati u kkundannat lill-Ġermaniż Bjorn Raake, ta’ 34 sena, għal tliet snin priġunerija wara li nstab ħati ta’ stupru fuq mara Franċiża f’appartament f’Tas-Sliema, fl-2021.

Il-Qorti, ikkonfermat is-sentenza wara li l-imputat appella mid-deċiżjoni tal-ewwel Qorti. Ir-reat seħħ fis-7 ta’ Ottubru 2021, meta Raake ltaqa’ mal-vittma permezz tal-applikazzjoni “Tinder” u stedenha għall-ikel.

Aktar tard, ħadha f’appartament f’Tas-Sliema fejn kien hemm ftehim bejn il-koppja li jkollhom relazzjoni sesswali, madankollu r-raġel ma rnexxilux jikkontrolla lilu nniffsu u wettaq atti mhux mixtieqa mill-vittma. Huwa nstab ħati li pprattika att sesswali mhux kunsenswali – penetrazione anali – minkejja li l-vittma kienet ċara u konsistenti fil-“le” tagħha.

Skont il-vittma, Raake insista fuq att sesswali li kienet ċarament irrifjutat, u għalhekk ġiegħelha tagħmel xi ħaġa kontra r-rieda tagħha. Il-Qorti osservat li l-kunsens irtirat huwa legalment validu, u kull att sesswali li jsir wara t-tħassir ta’ dak il-kunsens huwa stupru.

Il-Qorti nnutat li l-vittma kienet xehdet fil-Qorti tal-Maġistrat fis‑25 ta’ Ottubru 2021, fejn qalet li ltaqgħet ma’ Raake fid‑9 ta’ Ottubru 2021 ħdejn il-funtana fil-Belt Valletta. Din il-verżjoni ġiet ikkonfermata wkoll mill-Ġermaniż, li ammetta li ltaqgħu fil-Belt Valletta.

Il-prova ċirkostanzjali tinkludi messaġġi WhatsApp bejn iż-żewġ partijiet. U l-affarijiet seħħew b’dan il-mod:

  • 18:53 – L-appellant informa lil Franiża li d-dgħajsa mill-Belt għal Tas-Sliema kienet waslet u li kien se jkun hemm fi tliet minuti.
  • 18:54 – Hi wieġbet li kienet “ħdejn il-funtana b’xugaman roża mdawwar magħha”.

Hi kkonfermat ukoll li waslet fid-dar tiegħu f’Tas-Sliema għall-ħabta tas‑8pm u telqet għall-ħabta tal-10.45pm. Din l-iskeda ġiet ikkonfermat minn aktar messaġġi lil sħabha li hi bagħtet:

  • 20:49 – “Qiegħda fil-flat tiegħu u bħalissa kollox sew 😊”
  • 20:50 – Ħabiba tagħha, wieġbet: “Perfett. Ħu gost illejla ✨”
  • 23:23 – Omissis bagħtet messaġġ: “Hemm tibdil. Se nerġa’ lura d-dar.”
  • 00:51 – Omissis informa lil Raakde: “Wasalt id-dar qawwija u sħiħa.” Qaltlu wkoll li ma mexiex sew magħha.

Fid-dawl ta’ dawn il-fatti u l-korrispondenza elettronika, il-Qorti qieset – kif ġustament issottometta l-appellant – li l-att sesswali bejn iż-żewġ partijiet seħħ fil-lejl tad-9 ta’ Ottubru 2021. Ħareġ ukoll mix-xhieda li sħabha kienu ħeġġewha biex tagħmel rapport lill-Pulizija u li waqt ir-rakkont tagħha lil sħaba dwar dak li ġara dehret kommossa u f’ħinijiet bdiet ukoll tibki.

Il-Prosekuzzjoni ppreżentat messaġġi testwali qabel u wara l-inċident, kif ukoll xhieda mill-vittma li l-Qorti sabet kredibbli u konsistenti. Il-Qorti semmiet ukoll li l-imputat ma deherx li ried jifhem jew jirrispetta l-limiti li kienu qed jiġu komunikati lilu b’mod ċar.

Filwaqt li rrikonoxxiet li l-imputat ma kellux preċedenti kriminali, il-Qorti kkonkludiet li l-imputat uża l-pożizzjoni tiegħu f’ambjent privat biex jinjora l-kunsens tal-vittma. L-Imħallef qalet li atti bħal dawn “ma jistgħux jiġu ġġustifikati b’ċirkostanzi soċjali, sesswali jew personali,” u li l-Qorti għandha d-dmir li tipproteġi l-awtonomija tal-individwu.

Raake ġie kkundannat għal tliet snin ħabs effettivi, u l-Qorti ordnat ukoll Ordni ta’ Protezzjoni għall-vittma għall-perjodu ta’ tliet snin wara li l-imputat jiskonta s-sentenza tiegħu. Il-Qorti fakkret li “l-kunsens jista’ jinbidel fi kwalunkwe ħin – anke waqt l-att sesswali – u kull azzjoni li ssir kontra dak ir-rieda espressa hija reat serju taħt il-liġi Maltija.”

Din is-sentenza tibgħat messaġġ ċar li kull persuna għandha d-dritt li tikkontrolla ġisimha, u li kull forma ta’ pressjoni, manipulazzjoni jew insistenza fuq atti intimi kontra r-rieda hija meqjusa bħala stupru taħt il-Kodiċi Kriminali Malti.