Erba’ rġiel ġew ikkundannati għal għomorhom il-ħabs wara li nhar il-Ħamis ġew misjuba ħatja minn ġurija għall-involviment tagħhom fil-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia u l-avukat Carmel Chircop. L-akkużati Jamie Vella ta’ 42 sena, Adrian Agius ta’ 46 sena, George Degiorgio ta’ 62 sena u Robert Agius ta’ 41 sena, ġew ikkundannati għal għomorhom il-ħabs.
L-imħallef Edwina Grima qalet li s-sentenza tirrifletti s-serjetà tal-krimini u l-effett devastanti li kellhom fuq il-vittmi, il-familji tagħhom u s-soċjetà kollha. Hija qalet ukoll li l-akkużati ħasdu l-ħajja ta’ żewġ persuni.
L-Imħallef Edwina Grima sostniet li kuntarju għal dak li qalet id-difiża, li dan ma kienx verdett unanimu, dan kien verdett b’saħħtu. Tenniet li hi ħadet konsiderazzjoni tal-fatt li l-ħatja kellhom x’jaqsmu ma’ żewġ omiċidji u li dan kellu effett devastanti fis-soċjetà. Qalet ukoll li ż-żewġ omiċidji kienu premeditati.
Il-ġurija, magħmula minn ħames irġiel u erba’ nisa, kienet ħadet disa’ sigħat biex tiddeċiedi dwar is-seba’ akkużi miġjuba kontra kull wieħed mill-akkużati. Il-ġudizzju wasal wara proċess ta’ sitt ġimgħat u x-xhieda ta’ 157 persuna, fosthom membri tal-FBI, eks ministru tal-gvern u qraba tal-vittmi.
Il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia
Il-ġurnalista investigattiva Daphne Caruana Galizia inqatlet b’karrozza bomba fil-Bidnija viċin id-dar tagħha fis-16 ta’ Ottubru 2017. Il-ġurija sabet li Robert Agius u Jamie Vella kienu kompliċi fil-qtil billi pprovdew splussiv militari, immuntat f’bomba li ġiet detonata permezz ta’ mobile.
Oriġinarjament, il-pjan kien li l-ġurnalista tiġi sparata, b’Vella jipprovdi tliet rifles u AK-47, iżda aktar tard il-metodu nbidel għal bomba. Vella kien ukoll spjega lil Alfred Degiorgio kif issir il-bomba, b’dan tal-aħħar huwa wieħed mit-tliet assassini li kien diġà ammetta l-ħtija u ġie kundannat 40 sena ħabs.
Fir-rigward tal-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia, kemm Robert Agius kif ukoll Jamie Vella ġew misjuba ħatja, b’verdett ta’ 8–1, b’rabta mal-isplużjoni li kkawżat il-mewt tagħha, u pussess ta’ splussivi perikolużi.
Il-qtil ta’ Carmel Chircop
L-avukat Carmel Chircop inqatel b’erba’ tiri minn sitta li ġew sparati lejh ġewwa garaxx fil-kumpless Rampol, f;Birkirkara fit-8 ta’ Ottubru 2015. Il-qtil ġie kkommissjonat minn Adrian Agius, li ma kienx rritorna €700,000 dovuti lil Chircop minn ftehim ta’ bejgħ ta’ maħżen f’Ħal Qormi li kien jiswa €3 miljun.
Il-ġurija sabet lil George Degiorgio u Jamie Vella ħatja ta’ qtil volontarju ta’ Carmel Chircop, b’verdett ta’ 7–2. Adrian Agius ukoll instab ħati ta’ komplott fil-qtil ta’ Chircop b’maġġoranza ta’ 7–2, filwaqt li Robert Agius ġie meħlus minn din l-akkuża b’votazzjoni ta’ 6–3. Degiorgio u Vella kienu wkoll ikkundannati, b’verdett ta’ 7–2, li kienu fil-pussess ta’ arma tan-nar waqt il-ħtija, u li ġarrew arma mingħajr liċenzja valida.
Il-prosekuzzjoni u d-difiża
Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Avukati Godwin Cini, Danika Vella, u Anthony Vella, li saħqu li Daphne nqatlet minħabba x-xogħol ġurnalistiku tagħha fuq każijiet ta’ korruzzjoni u kriminalità organizzata.
Il-Qorti semgħet ukoll kif il-grupp Ta’ Maksar ilhom fuq ir-radar tal-Pulizija għal snin, iżda sar progress biss fl-2021 meta Vince Muscat, il-Koħħu’, għamel ftehim mal-prosekuzzjoni u ta xhieda kruċjali kontra sħabu.
Il-familja Caruana Galizia kienet assistita mill-avukati Jason Azzopardi u Therese Comodini Cachia, filwaqt li l-familja Chircop kienet rappreżentata mill-avukat Vince Galea.
Il-kuntest usa’ u l-passi li jmiss
It-tliet assassini Vince Muscat, George Degiorgio u Alfred Degiorgio, diġà qed iservu sentenzi għall-involviment dirett fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia. Yorgen Fenech, negozjant prominenti li allegatament ħallas biex isir il-qtil, għandu jgħaddi ġuri b’mod separat fil-futur qarib.
Meta jsir il-ġuri ta’ Yorgen Fenech, ix-xhieda fil-maġġoranza tagħhom mistennija jkunu simili għal dawk li xehdu f’dan il-ġuri, anke jekk jistgħu jixhdu persuni oħra li ma ttellgħux biex jixhdu. Filwaqt li f’dan il-ġuri ix-xhud prinċipali kien Vince Muscat, “Il-Koħħu”. Fil-ġuri ta’ Fenech ix-xhud prinċipali mistenni jkun Melvin Theuma, li kien ingħata l-proklama dwar il-qtil tal-Daphne Caruana Galizia.
//= $special ?>