Il-massakru ta’ studenti li seħħ sigħat ilu f’kumpless ta’ skola fil-belt ta’ Graz qed jissemma’ bħala l-agħar reat fuq livell tal-massa fl-Awstrija għal ħafna snin.
Issa sar magħruf li mietu 10 fl-attakk u li l-aggressur – żgħażugħ ta’ 21 sena u eks student tal-iskola – spiċċa joqtol lilu nnifsu f’kamra tal-banju viċin is-sit tal-massakru.
ll-kumpless ta’ Dreierschützengasse jservi għat-tagħlim sekondarju, bl-awtoritajiet jikkonfermaw li fl-attakk mietu sitt tfajliet u tliet ġuvintur. Dan kompla jikkonfermah il-Ministru Awstrijak għall-Intern, Gerhard Karner; u meta tal-anqas 12 oħra sfaw midruba.
Ftit tal-ħin ilu, kien irrappurtat li tfajla oħra li spiċċat midruba mill-isparar ukoll mietet l-isptar minkejja l-interventi biex isalvawlha ħajjitha.
L-inċident nissel xokk u dieqa kbira fost ir-residenti ta’ Graz, bl-iżviluppi ta’ dan il-każ qed jingħataw prominenza kbira mill-istampa internazzjonali.
Is-Sindku ta’ Graz, Elke Kahr, fissret ir-reat bħala ‘traġedja terribbli’. Intant ma ssemmietx ir-raġuni għalfejn l-aggressur iddeċieda biex iwettaq dan il-massakru u meta nstab li hu kien armat b’senter u pistola. Dan fost l-investigazzjonijiet inizjali mill-Pulizija u l-membri tat-taqsmiet speċjalizzati għal sitwazzjonijiet ta’ periklu partikulari.
L-investigazzjonijiet bir-reqqa għadhom għaddejjin, bl-awtoritajiet ma jiddikjarawx jekk dan setax kien każ ċar ta’ terroriżmu.
Il-Kanċillier Awstrijak, Christian Stocker, bagħat messaġġ ta’ solidarjetà lill-familji li spiċċaw affettwati mill-isparatura u fejn fisser l-iżviluppi bħala ‘traġedja nazzjonali li qed issewwed qalb il-poplu’.
Tkellem ukoll il-President tal-Awstrija, Alexander Van der Bellen, li qal li diffiċli biex wieħed jesprimi s-sens tal-orrur għal dak li kellu jiżvolġi fil-kumpless tal-iskola. Hu, fl-istess ħin, sellem lill-memorja tal-istudenti li kellhom jitilfu ħajjithom b’mod daqshekk brutali.
Fil-belt ta’ Graz qed jgħixu madwar 300,000 resident u meta hi wkoll il-kapitali tal-provinċja ta’ Styria, lejn in-nofsinar tal-Awstrija.
//= $special ?>