Stewart Said
PORTUGALL……….. 13
MALTA………………. 17
(0-4), (3-6), (5-3), (5-4)
Destinazzjoni Belgrad għal Jannar li ġej. Għas-sitt edizzjoni konsekuttiva, it-tim nazzjonali Malti se jerġa’ jikkompeti fil-fażi finali tal-Kampjonat Ewropew tal-waterpolo. It-tim Malti kiseb it-tieni rebħa minn tnejn li kellu bżonn fi Grupp D wara r-rebħa kontra l-Ukrajna.
Din hi t-tieni kwalifikazzjoni taħt it-tmexxija tal-kowċ Milan Cirovic u Karl Izzo fit-tmexxija tal-ASA, wara li l-istess Izzo kien il-kowċ nazzjonali fl-erba’ kwalifikazzjonijiet preċedenti. Fost il-protagonisti f’din il-kwalifikazzjoni, iż-żewġ veterani Stevie Camilleri u Matthew Zammit li wrew li għadhom utli għat-tim nazzjonali.
Il-prestazzjoni tat-tim Malti kienet aħjar mill-ewwel logħba kontra l-Ukrajna għalkemm kien hemm perjodi ta’ inċertezza. Fatt pożittiv għat-tim Malti kien li skorja seba’ gowls minn total ta’ tmien okkażjonijiet ta’ superjorità numerika. Fuq in-naħa l-oħra, il-Portugall kellhom xejn anqas minn 17-il man-up b’diversi deċiżjonijiet tar-referees li kienu diskutibbli.
Il-plejers Maltin bdew il-logħba fuq sieq tajba b’erba’ gowls konsekuttivi fl-ewwel sessjoni. Il-Portugall naqqsu d-distakk għal 5-2 fl-ewwel mumenti tat-tieni sessjoni f’azzjonijiet ta’ superjorità numerika.
Reazzjoni mit-tim Malti li reġa’ wieġeb b’sensiela ta’ erba’ gowls konsekuttivi oħra għal vantaġġ komdu ta’ 9-2. Diogo Pinto naqqas id-distakk minn man-up ieħor iżda xutt mid-distanza ta’ Stevie Camilleri assigura l-vantaġġ ta’ seba’ gowls fil-ħin tal-mistrieħ.
Minkejja d-differenza, il-Portugiżi baqgħu xorta jippruvaw u tliet gowls konsekuttivi fit-tieni parti tat-tielet sessjoni, qatgħu d-distakk għal 12-7. Darren Zammit wieġeb bi ġmiel ta’ backhand iżda Salvador Lopes reġa’ naqqas id-distakk minn man-up doppju.
Il-gowl ta’ Pedro Sousa kmieni fl-aħħar sessjoni naqqas id-differenza għal erba’ gowls. Xi ftit tensjoni daħlet, konxji anki mir-rimonta tal-Ukreni 24 siegħa qabel. Id-distakk baqa’ ta’ erba’ gowls sa nofs is-sessjoni sakemm Stevie Camilleri u Jake Bonavia għalqu l-logħba b’żewġ gowls immedjati. Għalkemm il-Portugiżi rnexxielhom inaqqsu d-distakk, it-tim Malti xorta kompla jikkontrolla sat-tmiem.
Portugall: P. Camargo, R. Teixeira (1), X. Sousa (1), J.P. Costa, D. Sobetchi (1), P. Sousa (3), R. Ramos (2), S. Lopes (1), R. Sousa (1), D. Pinto (2), L. Abreu, T. Paraty (1), S. Veiga, J. Moreira
Malta: J. Tanti, J. Muscat (2), L. Galea (2), B. Cachia (1), S. Gialanze, M. Zammit (2), S. Camilleri (4), J. Cutajar (1), J. Abela (1), N. Zammit (2), D. Zammit (1), J. Bonavia (1), B. Busuttil, E. Schembri
Referees: Maxim Gerasimov (Renju Unit), R Evers (Olanda)
Logħob għal-lum
Pixxina Nazzjonali Tal-Qroqq
Ukrajna v Portugall 6.00pm
Malta v Franza 7.30pm
//= $special ?>