Lokali Qorti

Mixli li hedded lill-eks sieħba tiegħu b’sikkina

Raġel ta’ 36 sena miż-Żejtun li huwa magħruf sew mal-Pulizija, ġie mixli b’theddid permezz ta’ sikkina fil-konfront tal-eks sieħba tiegħu quddiem il-Maġistrat Charmaine Galea. Ian Zammit wieġeb mhux ħati li minbarra theddid huwa kkaġunalha feriti ta’ natura ħafifa,

Il-prosekuzzjoni qalet li nhar it-Tnejn għall-ħabta tas-3:45pm, mara ressqet rapport fil-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija fejn allegat li kienet qed tgħix taħt theddid kontinwu min-naħa tal-eks sieħeb tagħha, li huwa dipendenti fuq id-droga u li kien joqgħod magħha.

Skont dak li rrappurtat lill-Pulizija, matul dawn l-aħħar ġimagħtejn, waqt li kienu għadhom jgħixu taħt l-istess saqaf, seħħew diversi episodji fejn ġiet mhedda. F’waħda minn dawn l-okkażjonijiet, il-mara sostniet li ġiet mhedda b’sikkina ma’ għonqha, fejn l-akkużat qalilha “biex tkun taf xi tfisser il-ponta”.

Barra minn hekk, allegatament heddidha li jaħarqulha l-karozza, li se jagħtija daqqiet daqstant kbar li tispiċċa f’siġġu tar-roti, u li anke se jweġġa’ lit-tfal tagħha minn relazzjonijiet preċedenti. Il-mara kompliet tirrapporta li l-akkużat heddidha wkoll billi bagħtilha filmat intimu tagħhom fuq Messenger — filmat li wara tħassar, iżda li hija kienet diġà rat.

L-aggressjoni eskalat meta, waqt li kienet qed takkumpanjah lejn id-dar tiegħu wara li ddeċieda li jitlaq minn għandha, qamet argument bejniethom li spiċċat fi vjolenza fiżika li kkawżatilha ġrieħi ħfief.

Huwa ġie mixli wkoll li kiser diversi kundizzjonijiet mogħtija mill-Qorti u li sar reċediv, B’kollox ġie mixli bi 13-il akkuża.

L-Avukati Franco Debono u Marion Camilleri m’għamlu ebda talba għall-ħelsien mill-arrest tal-akkużat. Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Christian Cauchi.