It-tim nazzjonali Malti tal-waterpolo jinsab pass eqreb biex għas-sitt edizzjoni konsekuttiva jilgħab fil-fażi finali tal-Kampjonat Ewropew. Ir-rebħa tat-Tnejn filgħaxija kontra l-Ukrajna kienet kruċjali iżda t-tliet punti ma waslux qabel mumenti ta’ ansjetà mit-tim Malti wara li sabha diffiċli kontra avversarji li skont il-pronostiku huma ftit aktar inferjuri.
Il-captain Stevie Camilleri kien fost l-aktar plejers li spikkaw. Camilleri rritorna mat-tim nazzjonali lejn tmiem is-sena l-oħra wara aktar minn sentejn nieqes u f’logħbiet bħal tal-bieraħ, wera li għadu pedina importanti għat-tim nazzjonali.
B’reazzjoni għar-rebħa kontra l-Ukrajna, Camilleri tkellem ma’ dan is-sit u bl-akbar sinċerità ammetta li stennew li tkun logħba eħfef u faħħar il-prestazzjoni tal-avversarji. Madankollu saħaq li finalment rebħa hi rebħa u b’hekk Malta tinsab pass eqreb lejn il-kwalifikazzjoni. In-numru sebgħa tat-tim Malti għamel referenza għall-fatt li l-Ukrajna kellha aktar ħin biex tipprepara filwaqt li huma kienu ġejjin minn tlett ijiem ta’ preparazzjoni.
Camilleri fl-età ta’ 37 sena jista’ jservi wkoll ta’ punt ta’ riferiment għal diversi żgħażagħ u flimkien ma’ Matthew Zammit huma ż-żewġ plejers ta’ esperjenza li għandhom jiggwidaw lit-tim fl-ilma. Mistoqsi dwar ir-ritorn tiegħu fit-tim Malti, Camilleri qal li “hu aktar minn kuntent li nkun parti mit-tim nazzjonali. Hu tim żagħżugħ ħafna li possibbilment hu nieqes mill-esperjenza imma għalhekk ninsab parti mit-tim. Nittama li għal-logħba tal-Portugall inkunu aktar kalmi u nilagħbu skont il-potenzjal tagħna.”
Malta tilgħab it-tieni logħba minn Grupp D illum fis-7.30pm kontra l-Portugall fil-Pixxina Nazzjonali f’Tal-Qroqq. Rebħa għal Malta tfisser kwalifikazzjoni għall-fażi finali tal-Kampjonat Ewropew.
Id-dħul hu mingħajr ħlas.
//= $special ?>