minn Leone Sciberras
Kandidat Partit Nazzjonalista
Waħda mill-ogħla prijoritajiet tiegħi tkun li nassigura valutazzjonijiet obbligatorji u indipendenti tal-infrastruttura pubblika kollha… qabel u wara kwalunkwe żvilupp.
Dan jinkludi bankini, bini, pjazez pubbliċi, ċentritat-trasport u spazji maqsuma. Dawn il-valutazzjonijiet iridu jsiru minn bord iddedikat għall-aċċessibbiltà, magħmlul minn esperti indipendenti li għandhom esperjenza diretta u professjonali fl-aċċess għad-diżabbiltà, ippjanar urban u disinn inklussiv.
L-irwol tagħhom ikun li jiżguraw li l-proċess ikun imparzjali, prattiku u mmexxi mill-prinċipju li l-aċċessibbiltà mhix privileġġ iżda dritt fundamentali.
Soċjetà inklussiva teħtieġ responsabbilità vera u trasparenza f’kull pass ta’ żvilupp urban. Ma nistgħux nibqgħu naċċettaw wegħdi vojta jew skużi mill-awtoritajiet.
Minflok irridu ninpenjaw ruħna għal titjib konkret li jista’ jitkejjel u li jtejjeb b’mod dirett il-kwalità tal-ħajja tan-nies ta’ kull abbiltà.
Ikkunsidraw eżempju riċenti fejn pjazza ta’ raħal jew toroq bir-ristoranti li ġew żviluppati mill-ġdid,fejn tpoġġew rampi wieqfa u bankini mhux indaqs u dan minkejja t-tħassib imqajjem proprju fil-fażi tal-ippjanar.
Diffikultajietta’ aċċessibiltà
Dawk li jużaw siġġijiet tar-roti, resident anzjani u ġenituri b’pushchairs kollha iffaċċjaw diffikultà biex jgħaddu minn hemm. Dawn il-problemi setgħu faċilment ġew evitati kieku kien hemm bord ta’ aċċessibbiltà indipendemti li rreveda bir-reqqa l-pjanti u segwa l-progress waqt il-kostruzzjoni.
Minflok, il-fondi pubbliċi ntefqu darbtejn, l-ewwel fuq proġett difettuż u mbagħad biex issewwa.
Barra minn hekk ħafna bankini fil-bliet tagħna għadhom miksura u fi stat ħażin ħafna, mitluqa jew imblukkati minn ostakli bla bżonn, li jagħmluhom perikolużi u mhux aċċessibbli.
Dan huwa inaċċettabbli. Jien se naħdem biex niżgura manutenzjoni regolari u l-infurzar tal-istandards ta’ aċċessibbiltà jsiru regola bis-serjetà u mhux l-eċċezzjoni.
Jiena nemmen li l-aċċessibbiltà sħiħa integrata trid tinbena f’kull rokna tal-komunità tagħna.
Se niġġieled għaliha mhux biss bil-kiem, imma permezz ta’ azzjoni, politika u b’responsabbiltà.