Opinjoni

OPINJONI: Bejn wiċċ jew ‘ġejjen’

Kif qrajna u smajna matul il-ġimgħa li għaddiet, il-kollaborazzjoni bejn Trump u Musk ġiet fi tmiemha. (Ritratt: EPA)

Mid-Deputat Nazzjonalista Carm Mifsud Bonnici
Shadow Minister għar-Riforma Kostituzzjonali
u d-Drittijiet Fundamentali tal-Bniedem

Kif mill-esperjenza tal-ħajja nafu l-bnedmin huma varji fil-forma, fil-kontenut u fil-karattru. Uħud imorru tajjeb ma’ ftit, oħrajn ma’ ħafna u ftit oħra ma’ ħadd. Hemm forma ta’ kimika li tifforma li daqqa tgħaqqad u daqqa tifred.

Ħbieb isiru għedewwa u dawk ma jinġibux isiru jinġiebu. Hemm dawk li jaħsbu li jistgħu jagħżlu tajjeb dawn il-persuni. Daqqa jiġu f’daqqa għax ikollhom bżonn u daqqa wkoll għax jaħsbu li jaqblilhom. Elementi essenzjali biex wieħed jifhem aħjar id-dinamika li tmexxi u twaqqaf il-proċess tal-iżvilupp uman speċjalment fid-dinja politika. Imma hemm f’dan kollu wkoll linji li rari jirnexxu u diversi drabi huma destinati għal nuqqas ta’ suċċess.

Ekonomija

Id-dinja ekonomika fiha minn dawn il-karattri wkoll. Tista’ tipprova tifridhom f’dawk li jħarsu li jkattru l-kapitali li għandhom u dawk li għandhom it-talent li joħolqu l-ġid fil-kreattività ekonomika tagħhom.

Dawn jafu jmorru tajjeb flimkien u jibnu wkoll forom ta’ dipendenza fir-rabtiet tagħhom. Imma meta ġġib dawk tat-tieni kategorija f’daqqa qiegħed tidħol f’zona delikata ħafna. Daqqa jmorru tajjeb ħafna fi proġett partikolari u daqqa jintilfu, fl-ewwel perjodu paċifiku u wara f’kunflitti qawwija. Splussivi tant li jidħlu f’direzzjoni li jirnexxilhom ukoll jifirdu r-rota propju dik li hemm bżonn dejjem li tibqa’ ddur, tal-kummerċ.

Aspett ieħor

Hemm f’dan linja partikolari li wħud idumu biex jifhmu. Il-kummerċ huwa dak li hu u l-mekkaniżmi tiegħu jibqgħu speċjali u partikolari. Hemm f’dan xjenza ċara li għandha l-ideat u l-prinċipji etici tagħha. Dik li sfortunatament u żbaljatament titqabbel mal-politika.

Il-bnedmin fin-negozju mhumiex l-istess bħal dawk fil-politika. Hemm dawk li kienu naħa u marru oħra bil-ħsieb li se jġibu bidliet u kunċetti differenti fis-soċjetà. Anki jekk ikun hemm appell elettorali għal dan u jirnexxi iżda fit-tul wieħed jibda jara l-linji ta’ demarkazzjoni.

Iktar u iktar meta dawk li huma fil-kummerċ u jsiru politiċi flok jinbidlu u jifhmu l-kwalitajiet li hemm bżonn, minflok jibqgħu jinsistu li huma għadhom l-istess. Hemm dejjem it-tentazzjoni ċara li hemm linja bejn dik tal-interess personali u dik tal-ġid komuni li ma tiġix rispettata u anżi vjolat b’ġustifikazzjoni kummerċjali.

Personalitajiet

F’dan l-aħħar elezzjoni għall-President tal-Istati Uniti tal-Amerika kienet u tibqa’ partikolari. Diversi ma setgħux iġibu f’daqqa din il-forma ta’ alleanza kummerċjali/politika bejn illum il-President Donald Trump (1946) u l-magħruf Elon Musk (1971).

Tul dawn it-tnax-il xahar rajna żewġ fażijiet. Fl-ewwel sitt xhur impenn politiku qawwi ta’ Musk fil-kampanja. Fit-tieni forom varji ta’ ħidma governattiva, daqqa mfaħħra ħafna u daqqa kritikata sew. Issa forsi sejrin għall-perjodu kompletament differenti.

Il-fatt jibqa’ li Musk ġab ħeġġa u impenn ferm akbar lill-kampanja elettorali ta’ Trump. Dan sija bl-inċentivi tiegħu imma l-iktar bil-fatt li hu li hu s’issa l-iktar bniedem sinjur fid-dinja kien lest li jafda u “jinvesti” fl-eċċentriċità ta’ Trump. Il-messaġġ kien li indipendentement mill-kliem żejjed se jkun hemm politika ekonomika serja u li tkattar il-ġid u għalhekk qiegħed jinvesti hemm.

Żewġ jew fard

Ċertament il-preżenza tiegħu għenet aktar u aktar bis-saħħa li dak li kien Twitter, illum X, ċaqilqet. Inbniet forma ta’ stima, b’Musk jiddikjara li jħobb ħafna lil Trump u l-President jiddikjarah “an incredible patriot”. Dan aktar u aktar għola fil-pożizzjoni speċjali ta’ dak li ġie maħtur biex imexxi d-Dipartiment tal-Effiċjenza fil-Gvern (DOGE).

Ingħata poteri li ġew użati u abbużati. Mhux dejjem fil-loġika tal-Istat imma fid-direzzjoni li wieħed għandu jnaqqas l-ispejjeż u nfiq governattivi biex jogħlew il-profitti u jiżdied il-kummerċ.

Biss hemm linji li ma jistgħux jinqabżu għax kif ingħad tajjeb f’The Economist: Government provides critical services that the private sector does not or will not lay on in sufficient qualities.” (Il-Gvern jipprovdi servizzi determinanti li s-settur privat ma jirnexxilux jew mhux kapaci jasal fis-sħiħ tagħhom.)

Kontroversjali

Fir-realtà, iż-żewġ karattri huma fil-kontroversja. L-istess ġurnal ifakkar li Musk, “The richest man is exalted by some as an altruistic genious and hated by others as a self-dealing villain.”

Biss it-tnejn mhumiex nieqsa minn ftaħir u minn opinjoni għolja ħafna tagħhom infushom. It-tnejn fi gradi varji jaħsbu li huma salvaturi tal-umanità li se jibdlu d-dinja u li b’ħidmiethom kollox se jmur sewwa. Ċirkostanza li ħafna raw u kienu wkoll sa ċertu punti skantati kif effettivament dawn il-bnedmin ħadmu flimkien.

F’ħafna bejn dak li jidher u dak li jingħad u dak li tipprova tifhem f’kollox tul dawn ix-xhur, deher li hemm forom differenti ta’ kollaborazzjoni. B’deċiżjonijiet strambi fosthom dik li l-US Agency for International Development, l-aġenzija tal-pajjiż imwaqqfa fl-1961 taħt il-Presidenza ta’ John F. Kennedy (1917-1963) biex tgħin f’diversi programmi umanitarji fid-dinja.

Agenzija aċċettata minn ħafna fil-pajjiż, kif Andrew Natsios (1949) Repubblikan li serva u mexxiha ddikjara li dan huwa żball.

Insulti

Kif qrajna u smajna matul il-ġimgħa li għaddiet din il-kollaborazzjoni ġiet fi tmiemha. Kif iddeskriva tajjeb il-ġurnal Franċiż Le Monde, kien hemm serje ta’ insulti reċiproċi, theddid u akkużi. Deskritti bħala “rare and violent war of words, of two boundless ego’s.”

Dan fih il-konsegwenzi tiegħu. Hemm bnedmin li servew qabel lil Donald Trump u telqu. Ħafna wkoll kitbu l-memorji tagħhom biex jiddeskrivu fid-dettal dak kollu li kellhom jgħaddu minnu. Biss ilkoll b’xi mod baxxew rashom u komplew għaddejjin ’il quddiem minn dik l-esperjenza morra.

Issa x-xenarju jidher li qiegħed jiżviluppa f’direzzjonijiet oħra. Għax meta bnedmin li jħossuhom tant b’saħħithom ekonomikament jinżlu fil-kamp tal-battalja personali l-affarijiet jindikaw li ma tantx se jkunu tajjeb għat-tnejn li huma.

Tilef rasu

Il-kliem li ntqal fil-fatt huma qawwija ħafna. Musk jgħid li għandhom jinbdew il-proċeduri biex Trump jitneħħa minn President, l-ieħor jiddikjara li Musk tilef rasu (lost his mind). Kliem li fihom ħafna piż fix-xenarju Amerikan. Iktar u iktar meta Musk qiegħed jiddikjara li beħsiebu jifforma partit politiku għal rasu għax skont hu hemm 80% tas-soċjetà fiċ-ċentru li trid bidla.

Il-loġika ċara hija la darba sostnejt lill-Partit Repubblikan b’tant saħħa u rebaħ, daqshekk ieħor kapaċi nwettaq dan jien separatament. Mhux biss, imma d-differenza fl-età b’Musk li għandu qrib l-erbgħa u ħamsin sena issa li kellu l-esperjenza fil-Gvern ċertament li daħluh aktar fis-saħħa.

Diversi f’dan, iżda, qed jagħrfu li se jkun hemm ġlieda ekonomika serja. Bi Trump jipprova jġib għarkupptejh lil Musk bl-użu u bl-abbuż tal-mezzi tal-Istat.

Futur

Anki jekk ikun hekk u jseħħ dan b’magna u b’influwenza daqshekk kbira, il-qasma ekonomika fiha impatt. Wieħed li se jmiss mal-iżvilupp tal-pajjiż kif ukoll mad-demokrazija għax m’għandux ikun hemm ħadd li jabbuża mill-poter tal-Istat biex ikisser saħħiet ekonomiċi.

Il-verità hija li Musk illum għandu saħħa politika li f’sena żiedet ma’ dik tal-Partit Repubblikan. Fattur fil-kalatura li kif qegħda ħsara twettaq għalihom. Għax jekk ma jkunx hemm ‘ftehim’ se jolqothom direttament. Dan sija għax jappella għall-votant ta’ dak il-partit jew jekk jiddeċiedi li jrid, imur lura mad-Demokratiċi.

Il-futur f’dan ħadd ma rah imma jidher li s’issa għadna fil-bidu ta’ perjodu ta’ ġlied kbir. Dan se jaffettwa wkoll f’dinja mimlija kumplikazzjonijiet li minflok spiċċaw minn meta ġie elett Donald Trump tkattru sew mertu tiegħu.

Fejn sejrin

Huma iktar f’dan kollu żewġ persuni imprevedibbli u ma nafux fejn se jispiċċaw. Din mhix politika serja. Mhix dik li bnedmin fl-ekonomija għandhom bżonn. Għal dawk li fl-intelliġenza tagħhom jippjanaw jagħrfu aktar dan. Jagħrfu li s-sitwazzjoni mhix tant feliċi. Jagħrfu li fil-politika bnedmin serji, ta’ esperjenza u ta’ rettitudni morali hemm bżonn mhux bnedmin erratiċi. Jagħrfu aktar li se jispiċċaw fil-loġika tal-illoġika li jafdaw fil-munita tad-deċizjonijiet tal-wiċċ jew ‘ġejjen’.

Dan l-artiklu deher f’In-Nazzjon tat-Tlieta 10 ta’ Ġunju, 2025.