minn Andrew Agius
Kandidat Partit Nazzjonalista
Sitwazzjoni magħrufa, iżda li meta tiġi kkwantifikata, tħalli togħma qarsa għal dawk li qed iħarsu lejn il-futur ta’ pajjiżna.
Dawn iż-żgħażagħ Maltin, bi kwalifiki, ħiliet u mimlija enerġija u ambizzjoni, qed ifittxu futur aħjar barra minn xtutna. Xi wħud jitilqu biex jistudjaw, oħrajn biex jaħdmu… ħafna minnhom biss ma jerġgħux lura.
Dan mhux biss telf familjari, imma telf nazzjonali ta’ wieħed mill-akbar riżorsi li għandu pajjiżna.
Għaliex qed jitilqu?
Uħud iħossu li f’Malta m’hemmx spazju reali biex jikbru fil-karriera, speċjalment f’oqsma speċjalizzati jew innovattivi. Meta mbagħad tqis il-kultura tossika ta’ “min taf jiswa aktar minn x’taf”, toħloqilhom frustrazzjoni kbira. In-nuqqas ta’ meritokrazija u t-tqassim ta’ kuntratti pubbliċi f’idejn il-ftit qed iċaħħad lil ħafna minn opportunitajiet ġenwini.
Dan żgur ma jgħinx biex iż-żgħażagħ iħarsu lejn pajjiżna bħala bażi soda u ekwa li fuqha jibnu l-futur tagħhom.
Iż-żgħażagħ iridu jemmnu f’pajjiż li jagħtihom ċans jikbru, mhux sempliċement jikkonformaw mar-rieda tal-ftit. Irridu nippromwovu l-meritokrazija — fejn il-ħila u l-għarfien jiġu ppremjati, mhux il-konnessjonijiet politiċi.
L-ambjent li ngħixu fih żgur ukoll li jinfluwenza ħafna d-deċiżjonijiet taż-żgħażagħ li jitilqu barra minn xtutna, speċjalment koppji jew familji żgħar.
L-iżvilupp urban qed isir monotonu u bla ħsieb, iddettat minn ftit żviluppaturi u minn Awtorità tal-Ippjanar li aktar tiffoka li timxi skont ir-regoli milli skont il-buon sens.
Il-prezz tal-proprjetà dejjem jiżdied, spazji ħodor huma skarsi, u l-ambjent urban qed isir aktar kaotiku u stressanti.
Ħafna nies spiċċaw jgħixu f’ambjent li ma jagħtihomx serħan u qed jikkawża tbatija mentali u fiżika li ma tgħinx biex iż-żgħażagħ tagħna jibnu familji f’ambjent seren u jgawdu kwalità ta’ ħajja tajba.
Biex nibdew nindirizzaw din il-problema, irridu noħolqu Malta li ż-żgħażagħ jistgħu jemmnu fiha mill-ġdid. Il-ġustizzja, l-etika u r-responsabbiltà għandhom ikunu valuri ewlenin fil-governanza tagħna.
Għandna bżonn kundizzjonijiet tax-xogħol umani, bilanċ bejn ħajja u xogħol, u ambjent li jsaħħaħ il-benesseri mentali u fiżiku.
Parti mis-soluzzjoni
Iż-żgħażagħ iridu jkunu parti mis-soluzzjoni; għalhekk irridu nisimgħuhom, ninkluduhom fid-deċiżjonijiet, u nagħtuhom vuċi vera. Hemm ħafna żgħażagħ li għadhom jemmnu f’Malta.
Huma jaħdmu, jinvestu u jorbtu l-ħolm tagħhom mal-futur ta’ dawn il-gżejjer. Jekk ma jinbidlux l-affarijiet, se nitilfu mhux biss lil min telaq, imma anki lil dawk li għadhom magħna.
Din il-problema nidentifika ħafna magħha, bħala missier żagħżugħ. Hemm bżonn il-bidla, u huwa proprju għalhekk li jien ukoll aċċettajt il-kandidatura tiegħi f’isem il-Partit Nazzjonalista… Partit li dejjem sema’ l-vuċi taż-żgħażagħ u li mexxa favur is-sewwa.
Wasal iż-żmien li l-politika tagħti spazju ġenwin lil ġenerazzjoni ġdida biex tibni futur ġdid hawnhekk, f’Malta tagħna. Il-bidla mhix impossibbli. Tinsab f’dawk li għadhom jemmnu.
Sta għalina li nagħtu widen u spazju għal bidla, biex il-futur ikun aħjar.