Mons. Anton Teuma, Isqof ta’ Għawdex, nhar il-Ġimgħa se jmexxi fil-Katidral ta’ Għawdex l-Ordinazzjoni Djakonali ta’ Samuel Aquilina mill-Parroċċa ta’ San Ġorġ, il-Belt Victoria; u Marlon Victor Bajada mill-Parroċċa tal-Madonna tas-Sokkors u San Girgor il-Kbir, f’Ta’ Kerċem.
L-Ordinazzjoni djakonali se ssir nhar il-Ġimgħa 20 ta’ Ġunju 2025, fis-6.30pm, fil-Katidral tal-Assunta, il-Belt Victoria.
Marlon Victor Bajada, twieled fit-3 ta’ Diċembru 1996. Trabba u għex fil-Parroċċa tal-Madonna tas-Sokkors u San Girgor il-Kbir, f’Ta’ Kerċem. F’Mejju 2016 ressaq it-talba tiegħu biex jibda l-formazzjoni fis-Seminarju Maġġuri tal-Qalb ta’ Ġesù, u għamel esperjenza f’Bollington, Macclesfield, l-Ingilterra, mal-Patrijiet Salesjani. F’Mejju 2018 reġa’ ressaq talba biex jibda l-kors ta’ formazzjoni għas-saċerdozju fis-Seminarju ta’ Għawdex, u għamel esperjenza pastorali fil-Parroċċa ta’ Marija Mtellgħa fis-Sema, fiż-Żebbuġ, fil-Parroċċa tal-Qalb ta’ Ġesù, fil-Fontana; u fil-Parroċċa tal-Madonna ta’ Loreto, f’Għajnsielem. F’Settembru tal-2024 beda jagħmel esperjenza pastorali fil-Parroċċa ta’ San Pietru u San Pawl, in-Nadur, fejn għadu sal-ġurnata tal-lum
Għamel ukoll esperjenza tas-Sena Intermedjarja fil-Kanada fejn ħadem ukoll mal-gruppi tal-adolexxenti, mal-grupp tal-RCIA, abbatini u fl-iskejjel.
Samuel Aquilina twieled fil-5 ta’ Mejju 1999. L-Isqof ta’ Għawdex Mario Grech laqa’ t-talba tiegħu biex jibda l-formazzjoni fis-Seminarju Maġġuri ta’ Għawdex, f’Ottubru 2017. Samuel għamel diversi esperjenzi pastorali fil-Parroċċa ta’ San Pietru u San Pawl, in-Nadur; fil-Parroċċa tan-Nawfraġju ta’ San Pawl, il-Munxar; fil-Parroċċa ta’ Santa Margerita, f’Ta’ Sannat; fil-Parroċċa tal-Madonna tas-Sokkors u San Girgor il-Kbir, f’Ta’ Kerċem; u minn Settembru 2024, Samuel qed jagħti s-servizz tiegħu fil-Parroċċi ta’ San Lawrenz f’San Lawrenz u ta’ Kristu Ewkaristi.
Is-Sena Intermedjarja għexha fid-Djoċesi ta’ San Benedetto del Tronto – Ripatransone – Montalto, li tinsab fin-naħa ta’ isfel tar-reġjun ta’ Le Marche fl-Italja, fejn kien jagħti s-servizz tiegħu fl-unità pastorali taż-żewġ parroċċi tal-post: Sacro Cuore di Gesù u Regina Pacis.