Wara li l-ġimgħa l-oħra kienu tressqu l-Qorti 12-il persuna, inkluż żewġ Maltin li għamluha ta’ tallaba, it-Tlieta tressqu l-Qorti bl-istess akkużi erba’ persuni oħra, inkluż Malti ta’ 41 sena. Miegħu tressqu Rumen ta’ 53 sena, raġel ta’ 30 sena miċ-Chad u Somalu ta’ 22 sena.
Huma nżammu arrestati wara li ġew mixlija li dejqu lin-nies billi ttallbu għall-flus. Fil-Qorti, ippreseduta mill-Maġistrat Charmaine Galea, il-prosekuzzjoni spjegat li l-allegati reati saru t-Tnejn filgħaxija fil-Marsa u f’San Pawl il-Baħar.
Il-prosekuzzjoni xliet ukoll lil Matthew Falzon, lil Zakaria Adam u lil Ceydrus Hassan Ali wkoll li għexu ħajja ta’ għażż u ta’ vagabondaġġ. Falzon kien mixli wkoll li rrenda ruħu riċediv. L-erba’ akkużati wieġbu mhux ħatja għall-akkużi.
L-Avukat tal-Għajnuna Legali Silvan Pulis talab għall-ħelsien mill-arrest ta’ Falzon iżda l-Maġistrat ċaħdet din it-talba.
Il-prosekuzzjoni f’dan il-każ tmexxiet mill-Ispettur Gabria Gatt. Huma tressqu quddiem il-Maġistrat Charmaine Galea.
//= $special ?>