Lokali

85 sena mill-ewwel ħbit mill-ajru fuq Malta

Il-‘magħmudija’ tan-nar… mill-ajru

minn Victor Camilleri
Eks Editur ta’ In-Nazzjon u Il-Mument

Fid-djarju tiegħu tal-ewwel sena tal-gwerra (10 ta’ Ġunju 1940 – 10 ta’ Ġunju 1941), il-kittieb magħruf Ġużè El-lul Mercer, hekk isejjaħlu dan l-ewwel jum tal-gwerra: “dan kien għalina l-magħmudija tan-nar…”
Tassew li l-Maltin ma setgħux ikollhom introduzzjoni agħar għas-sentejn u nofs ta’ gwerra li kellhom isegwu. Ma kienu qatt esperjenzaw xi ħaġa simili u qatt ma setgħu jantiċipaw x’se jkun qed ifisser għalihom dak il-konfront li huma – ngħiduha kif inhi – ma kienu għamlu xejn li seta’ jdaħħalhom f’dak l-ink-wiet… ħlief li twieldu f’din il-gżira żgħira f’nofs il-Mediterran u, allura, bejn il-basla u qoxritha ta’ dik il-konflagrazzjoni!
L-ewwel ħbit fetaħ għajnejn il-Maltin għar-realtà li kienu se jgħixu. U malajr fehmu li minkejja t-tħejjija li setgħet saret fis-snin u x-xhur ta’ qabel biex ikunu għal-lest, xejn ma seta’ jitqabbel ma’ dak li issa kien qed iseħħ taħt għajnejhom. Irrealizza bis-sħiħ li l-Faxxiżmu u n-Naziżmu ma kinux se jisparixxu waħedhom iżda bir-rieda determinata tan-nies kollha ta’ rieda tajba.

Forti Sant’Iermu l-ewwel protagonist

■ Tmien ‘air-raids’
■ Bumbardamenti minn skwadra ta’35 ajruplan tal-għadu
■ B’kollox mietu 18 fl-ewwel jum

Meta nhar it-Tnejn 10 ta’ Ġunju 1940, Benito Mussolini ddikjara li l-Italja kienet daħlet fil-gwerra bħala alleat tal-Ġermanja, il-Maltin mill-ewwel fehmu li fuqhom kienu ġejjin żminijiet ibsin. Dak li forsi ma stennewx kien li, proprju mill-għada, il-11 ta’ Ġunju 1940, fis-6.25 ta’ filgħodu, tinstema’ l-ħoss tas-sirena li kient qed tħabbar l-ewwel ħbit tal-għadu mill-ajru.
Kienet infatti skwadra ta’ 10 ajruplani SM79 – bombers – eskortata minn fighters, Macchi, li ppenetrat is-smewwiet Maltin minn fuq Kalafrana u Ħal Far tipponta lejn il-Port il-Kbir. F’din triqthom xeħtu madwar 50 bomba li kkawżaw l-ewwel ħsarat fosthom fuq vetturi f’attakk li dam madwar nofs siegħa; f’ġurnata tipika tas-sajf Malti, b’xemx tiżreġ u bis-sħana.
L-agħar ta’ dak ir-raid kien meta wieħed mill-ajruplani issepara minn mal-oħrajn, niżel fil-baxx u xeħet tliet bombi fuq il-Fort Sant’Iermu li kienu fatali għal numru ta’ membri Maltin tar-Royal Malta Artillery… kienu l-ewwel vittmi Maltin u l-Forti, għaldaqstant, kien l-ewwel protagonist f’sens negattiv.
Dak l-attakk, kif mistenni, qanqal paniku sħiħ f’Sant’Iermu u kellu jkun is-sens qawwi ta’ leadership u impenn ta’ Ċensu Tabone, tabib tal-armata, li rnexxielu jikkalma lis-suldati Maltin li kienu għadhom kif raw il-mewt quddiem għajnejhom.
Matul dak il-jum kien hemm aktar ħbit mill-ajru u s-sirena daqqet b’kollox tmien darbiet biex twissi lill-poplu bil-periklu imminenti. Inxteħtu bombi f’diversi nħawi ta’ Malta li f’numru ta’ każi wasslu għall-imwiet anki fost il-popolazzjoni ċivili. B’kollox in-numru ta’ Maltin li mietu kienu 18.
F’dik l-ewwel ġurnata, it-Taljani wettqu tliet bumbardamenti fuq Malta li fihom intużaw 35 ajruplan.
Minn dakinhar f’Malta kien impost curfew mit-8.30 ta’ filgħaxija ’l quddiem. Dan sar biex il-forzi tad-difiża Maltija setgħu jużaw it-toroq pubbliċi bl-inqas tfixkil.
Il-Maltin daħlu f’qoxorthom fil-veru sens tal-kelma għaliex issa l-gwerra ma baqgħetx iktar suġġett ta’ diskussjonijiet imqanqla iżda kienet ġiet iżżurhom inpersona u tħalli d-devastazzjoni li kienu qed jibżgħu minnha.

Il-vittmi tal-ewwel jum

■ Proprju fl-ewwel jum tat-Tieni Gwerra Dinjija Malta tilfet 18 minn uliedha… sitta mill-qasam militari u 12 fost il-popolazzjoni ċivili.
Il-militari li tilfu ħajjithom kienu dawk li ntlaqtu mill-attakki Taljani fil-Forti Sant’Iermu. Hemmhekk mietu dawn: Joseph Galea (Bumbardier), Mikiel Angelo Saliba, Richard Micallef, Carmel Cordina u Paul Debono (kollha Gunners). Ma’ dawn il-membri tal-RMA, miet ukoll it-tfajjel Philip Busuttil.
Mill-popolazzjoni ċivili mietu dawn: Carmelo Galea (40 sena) minn Birkirkara; Joseph Ancilleri; Maria Fenech (6 snin) u Doris Galea (5 xhur) kollha minn Bormla; Michael Camenzuli (39); Lilian Doublet (7), Mary Doublet (46), Giuliano Micallef (65), Giovanni Trapani (48) u Rosina Vassallo (33) kollha mill-Gżira; Giuseppe Ellul (36) mill-Imqabba, u Paolo Galea (37) mill-Imsida.
Dawn il-fatalitajiet jindikaw kemm diġà mill-ewwel attakki dawn kienu se jkunu mifruxin fuq diversi nħawi, mhux biss dawk marbutin direttament ma’ stallazzjonijiet militari.

L-ewwel bombi Taljani fuq Malta

Żgur li jkun hawn min jistaqsi għaliex proprju fl-ewwel jum tal-gwerra fil-11 ta’ Ġunju 1940, it-Taljani kellhom iżanżnu l-ewwel attakki tagħhom mill-ajru fuq Malta.
Ir-raġuni hi sempliċi. It-Taljani, u warajhom u magħhom il-Ġermanizi wkoll, kienu tal-fehma li jekk jipparalizzaw lil Malta għalkollox, ikunu qatgħu linja ta’ formiment tant bżonjuża u kruċjali għall-Alleati, l-aktar wara l-ftuħ ta’ front ġdid fl-Afrika ta’ Fuq.
L-istrateġija tal-għadu kienet li b’bumbardamenti ma jaqtgħu xejn, Malta tiġi f’sitwazzjoni prekarja u bil-Maltin prattikament bil-ġuħ billi jkunu nqatgħu l-possibbiltajiet ta’ riforniment.
Kien għalhekk li proprju l-għada li Benito Mussolini ddikjara lil pajjiżu fi gwerra kontra l-Ingliżi u l-Alleati tagħhom, proprju ftit qabel is-7 ta’ filgħodu, bdew l-attakki mill-ajru konċentrati l-aktar fuq objettivi militari.
Dakinhar kien hemm attakki f’diversi ħinijiet iżda skont rapporti uffiċjali, l-aktar wieħed qalil kien dak tas-7.30pm li, matulu, 25 ajruplan tal-Qawwa tal-Ajru Taljana, f’formazzjonijiet ta’ ħamsa, ressqu lejnm il-gżira minn direzzjonijiet differenti.
F’dak l-attakk intefgħu bombi fuq Ħaż-Żabbar, Ħal Tarxien, il-Marsa, il-Barracks ta’ Verdala f’Bormla, il-Gżira u Tas-Sliema.
Kif dejjem jiġri fi żminijiet ta’ gwerra, l-ewwel vittma tkun il-verità għaliex kulħadd jibda jirrapporta dak li jkun qed jiġri kif ikun jaqbel lilu. Hekk ngħidu aħna, kien l-ewwel komunikat, maħruġ fit-12 ta’ Ġunju 1940 mill-kwartier ġenerali tal-Forzi Armati Taljani, li kien jgħid hekk:
“Skwadra ta’ bombers tar-Regia Aeronautica, skortata minn formazzjoni ta’ fighters, mal-ewwel dawl ta’ filgħodu u anki lejn inżul ix-xemx, wettqet bumbardamenti vjolenti fuq impjanti militari ta’ Malta b’riżultati evidenti. L-ajruplani tagħna rritornaw kollha lura fil-bażi tagħhom mingħajr ma sofrew l-ebda ħsara.”
Din il-verżjoni kollha ottimiżmu, naturalment, kienet imtennija mill-gazzetti Taljani hekk kif l-impressjoni li riedu li tingħata kienet li filwaqt li l-ajruplani tar-Regia Aeronamtica kkawżaw ħsarat devastanti fuq Malta, min-naħa l-oħra l-ajruplani Taljani kollha rritornaw mingħajr ma sofrew danni.
Illum nafu li f’dawk l-ewwel attakki t-Taljani tilfu minn tlieta sa erba’ ajruplani li ntlaqtu min-nar ta’ diversi nħawi tad-difiża ta’ Malta.
X’aktarx li l-Maltin ma kinux jantiċipaw li se jsofru attakki bħal dawk propju fl-ewwel jiem tad-dħul tat-Taljani fil-gwerra. Irid jingħad, iżda, li għalkemm dawn l-ewwel attakki kkawżaw biża’ u paniku fost il-popolazzjoni, u ħallew ukoll l-ewwel vittmi, ma kienu kkawżaw l-ebda ħsara sinifikanti fuq l-impjanti militari Maltin, bil-maqlub ta’ dak li l-istqarrija uffiċjali Taljana kienet implikat.
Kienu x’kienu l-effetti ta’ dakinhar, il-Maltin mill-ewwel setgħu jirrealizzaw li l-gwerra kienet se tkun qalila, twila, u devastanti… kif fil-fatt seħħ.

■ Kien il-Ħadd 9 ta’ Ġunju 1940 u l-okkażjoni kienet pellegrinaġġ nazzjonali organizzat mill-Kapitlu tal-Katidral tal-Imdina. Il-pellegrinaġġ, li għalih attendew ’il fuq minn 20,000, sar fid-dell tat-theddida tal-gwerra. Kien infatti l-għada, it-Tnejn 10 ta’ Ġunju 1940, li Benito Mussolini ddikjara li l-Italja kienet daħlet fil-gwerra kontra r-Renju Unit. L-għada ta’ dan id-diskors, it-Tlieta 11 ta’ Ġunju 1940, seħħew l-ewwel attakki Taljani fuq Malta. (Ritratt: Arkivji Nazzjonali ta’ Malta)

L-internati fl-ewwel jum tal-gwerra

Herbert Ganado jirrakkonta fil-ktieb RAJT MALTA TINBIDEL (VOL II)

Kellna l-okkażjoni li minn dawn il-kolonni niffukaw fuq il-każ tal-internati Maltin u, allura, mhux każ li wieħed jirrepeti l-fatti, iżda fil-kuntest tal-anniversarju tal-lum irid jingħad li dawn l-internati li issa kienu trasferiti lejn il-Fortizza San Salvatur – li tinsab tant qrib il-Port il-Kbir – kienu jinsabu, allura, preċiżament fil-qalba tal-ewwel attakki Taljani fuq Malta dakinhar tal-11 ta’ Ġunju 1940.
Naqbdu r-rakkont ta’ Ganado bid-deskrizzjoni tiegħu ta’ dawk il-jiem fiċ-ċirkustanzi prekarji li kienu jinsabu fihom.
Ganado jikteb: “F’daqqa waħda, għal għarrieda, għall-ħin tas-sebgħa neqsin, daqqet is-sirena. Dik il-karba tagħhom tħossha fl-istonku. Konna nistennewha iżda ħasditna. Il-gwerra f’pajjiżna kienet bdiet.”
Lill-internati malajr daħħluhom fil-kmamar tagħhom. “Raddejna s-salib u bdejna nitolbu marsusin flimkien taħt waħda mill-ħnejjiet li kienet qisha niċċa kbira, bejn kamra u oħra. Xi ftit minna baqgħu fis-sodda wiċċhom ’il fuq,” kompla Ganado.
“Dak l-attakk tas-7 ta’ filgħodu, kif sirna nafu wara, bejn għax kulħadd kien sejjer għax-xogħol u bejn għax kien l-ewwel wieħed, qajjem paniku kbir u konfużjoni enormi.”
Il-kanuni kollha ta’ madwar il-Port kienu fetħu baraxx qawwi… “x’aktarx bl-addoċċ.” Kultant xħin kien jidħol xi pulizija u l-bieb jitbexxaq għal ftit, konna naraw ħafna ilsna tan-nar ħerġin mill-kanuni!
“Min jaf għadx nerġgħu narawha l-familja?” qal xi ħadd minna. Ħadd ma rrisponda.”
Fil-jiem ta’ wara, f’wieħed mill-attakki Taljani fuq il-Forti fejn kien hemm l-internati, dawn bdew jisimgħu l-bombi fil-qrib isaffru donnhom neżlin fuqhom. “Konna ilna nipprotestaw li l-piloti tal-ajruplani Taljani setgħu jaħsbu li dik kienet fortizza jew maħżen militari u jqisuha bħala target.” Hekk ġara għalkemm, fortunatament, ħadd ma kien intlaqat. “Is-Salvatur salvana, qalu.”
Kien mument kruċjali għaliex, ftit ħin wara dak l-attakk, waslet l-ordni li kienu se jpoġġuhom xi mkien ieħor… fil-Ħabs ta’ Kordin!

Il-Forti San Salvatur
Dan il-Forti nbena fl-1724 u bejn Mejju u Lulju 1940 tpoġġew fih l-internati Maltin. Ma setgħux isibulhom post agħar minn dak, daqstant qrib tal-Port il-Kbir.

Dan l-artiklu deher f’In-Nazzjon tal-Erbgħa 11 ta’ Ġunju, 2025.