Lokali

Appell sabiex tirrenja l-paċi fid-dinja

Ritratt: Catriel Farrugia Sghendo

“Il-paċi mhijiex mibnija biss dwar il-waqfien mill-kunflitti iżda hija mibnija wkoll fuq il-libertà u l-ġustizzja. U li nżommu l-paċi hija responsabbiltà morali ta’ kull ċittadin.”

Dan kien il-messaġġ li twassal waqt konferenza tal-aħbarijiet li saret mill-għaqda Republlika quddiem il-Monument tal-Qanpiena fil-Belt Valletta fejn matulha nqara wkoll l-appell tal-paċi.

Il-kelliema qalu li l-monument tal-qanpiena huwa monument simboliku kif ukoll storiku għaliex ifakkar il-memorja ta’ dawk iċ-ċittadini li 85 sena ilu tilfu ħajjtihom waqt it-tieni gwerra dinjija. Dan filwaqt li fakkru kif dawn iċ-ċittadini m’għexux biżżejjed biex jaraw il-faxxiżmu megħlub.

Għaldaqstant, il-konferenza saret quddiem dan il-monument għaliex preżentament jinsab f’abbandun totali – bl-istat li jinsab fih qed jittradixxi l-memorja ta’ dawk iċ-ċittadini Maltin li tilfu ħajjithom.

Ritratt: Catriel Farrugia Sghendo

Apparti minn hekk, huma qalu li l-paċi tinżamm ukoll meta nipproteġu l-baħar, l-ambjent u kull ċittadin, dan filwaqt li jeħtieġ li kull ċittadin jieħu azzjon morali fejn meħtieġa.

Preżentament, l-appell tal-paċi qed jitniedi f’diversi bliet madwar il-Mediterran bl-appell jippreżenta viżjoni sempliċi u qawwija.

Semmew ukoll iċ-ċittadini Ukreni u l-familji f’Gaza li ilhom is-snin għaddejjin bil-gwerra; dan filwaqt li kkundannaw il-kunflitti li għaddejjin bħalissa madwar id-dinja u appelllaw sabiex b’mod immedjat tirrenja l-paċi.