Quddiem il-Maġistrat Nadine Sant Lia, Daniel Desmond Borg ta’ 35 sena minn Santa Luċija, tressaq akkużat li kiser il-kundizzjonijiet tal-libertà proviżorja li kienu ġew imposti fuqu mill-Qorti tal-Maġistrati nhar l-20 ta’ Marzu 2024.
L-akkużat ġie mixli li bejn l-14 ta’ April 2025 u fil-ġranet, il-ġimgħat, ix-xhur u s-sena ta’ qabel f’Raħal Ġdid, naqas milli josserva l-obbligi tiegħu skont id-digriet tal-Qorti. Barra minn hekk, huwa kien akkużat li rrenda ruħu reċidiv, b’sentenza preċedenti mogħtija kontrih mill-Qorti tal-Maġistrati f’Malta li kienet saret definittiva.
Fil-bidu, Daniel Desmond Borg wieġeb li mhux ħati. Madankollu, waqt is-seduta tas-12 ta’ Mejju 2025, huwa b’mod volontarju rreġistra ammissjoni għall-akkużi miġjuba kontrih. Din l-ammissjoni ġiet ikkonfermata wara li l-Qorti avżatu dwar il-konsegwenzi legali, tatu żmien biex jikkonsulta mal-avukat tiegħu, u reġa’ kkonferma l-pożizzjoni tiegħu.
Il-Qorti semgħet ix-xhieda kollha, eżaminat id-dokumenti ppreżentati u ħadet konjizzjoni tal-fatt li l-ksur tal-kundizzjonijiet kien ripetut, peress li l-imputat kien ilu ma jiffirma mill-14 ta’ Awwissu.
Filwaqt li l-Qorti rrikonoxxiet li l-ammissjoni saret fi stadju relattivament bikri tal-proċess — fatt li jfisser tnaqqis fil-piena — ikkunsidrat ukoll li dan kien każ ta’ ksur ripetut u li l-imputat huwa reċidiv.
Il-prosekuzzjoni mmexxija mill-Ispettur Audrey Micallef issottomettiet li l-imputat għandu jiġi kundannat għal perjodu ta’ priġunerija effettiva ta’ erba’ xhur, li minnhom għandu jitnaqqas iż-żmien li diġà qatta’ taħt arrest. Barra minn hekk, il-Qorti ordnat il-konfiska ta’ €1,000 mid-depożitu tiegħu bħala parti mill-ħelsien mill-arrest.
Id-difiża, immexxija minn avukati tal-fiduċja tal-imputat, qablet mal-proposti tal-prosekuzzjoni u l-Qorti approvat il-ftehim bejn il-partijiet. B’hekk, il-Qorti kkundannat lil Daniel Desmond Borg għal priġunerija effettiva ta’ erba’ xhur, b’konfiska parzjali tad-depożitu tiegħu.
//= $special ?>