“Il-kwalifikazzjoni li ksibna l-bieraħ għall-fażi finali tal-Kampjonat Ewropeq tal-Waterpolo li jmiss, f’Jannar li ġej f’Belgrad, tikkonferma li Malta saret forza aktar b’saħħitha fil-Waterpolo Ewropew.” Dawn kienu l-ewwel kummenti tal-President tal-ASA, Karl Izzo, l-għada li għas-sitt darba fl-istorja u konsekuttivament, it-tim nazzjonali Malti rrnexxilu jikkwalifika għal mal-aħħar 16-il pajjiz fl-Ewropa.
Il-fażi finali ta’ dan it-turnament se tkun qed tintlagħab bejn l-10 u l-25 ta’ Jannar tas-sena d-dieħla f’Belgrad, fis-Serbja. L-ewwel kwalifikazzjoni fl-istorja tal-waterpolo Malti kienet inkisbet fl-2016, u minn dak in-nhar sal-lum, f’kull edizzjoni li ssir kull sentejn, Malta dejjem kienet fost il-pajjiżi finalisti.
F’dawn is-sitt drabi li Malta naqxet isimha fost l-aqwa 16-il pajjiż tal-Waterpolo Ewropew, Izzo kellu dejjem sehem dirett fit-tragwardi milħuqa; erba’ darbiet fir-rwol ta’ kowċ u fl-aħħar żewġ kwalifikazzjonijiet bħala President tal-assoċjazzjoni responsabbli mit-tmexxija u l-iżvilupp tal-waterpolo f’Malta.
L-għada tal-konferma ta’ dan is-suċċess milħuq, Christian Micallef poġġa flimkien ma’ Izzo għal intervista konċiża, b’mistoqsijiet diretti u bla kantunieri dwar x’wassal għall-kisba ta’ dan ir-riżultat.
F’din l-intervista li tistgħu ssegwu b’mod sħiħ permezz tal-filmat li jidher f’dan l-artiklu, Micallef jitkellem ma’ Izzo dwar l-għanijiet li qed tħares li tixtieq tilħaq l-ASA minn din il-kwalifikazzjoni, il-veritá dwar l-introduzzjoni ta’ plejer jew plejers li m’humiex Maltin li jistgħu jilgħabu għal Malta jekk jinħareġ il-passaport Malti lilhom, kif ukoll il-prospetti ta’ Malta u allura tal-ASA lejn il-parteċipazzjoni storika ta’ Malta fid-dixxiplina tal-Waterpolo fl-edizzjoni li jmiss tal-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar li se jsiru 2027 f’Monaco.
//= $special ?>