MALTA…………. 10
FRANZA……….. 10
(2-1), (4-2), (2-3), (2-4)
(Franza rebħet 5-4 bl-għoti tal-penalties)
F’logħbiet bħal dawn, id-dettalji jagħmlu d-differenza. Minn xutt mal-lasta fl-aħħar sekondi għal penalty salvat għal man-up mhux utilizzat. Madankollu minkejja r-riżultat finali, it-tim Malti għandu għaliex joħroġ mil-logħba b’rasu mgħollija, konxju minn prestazzjoni mill-aqwa.
Malta friska minn kwalifikazzjoni għall-Kampjonat Ewropew għas-sitt darba konsekuttiva, lagħbet kontra Franza għal min jirbaħ Grupp D ta’ kwalifikazzjoni. Fl-aħħar edizzjoni tal-Kampjonat Ewropew ta’ sentejn ilu, Franza kklassifikat fid-disa’ post.
Bi prestazzjoni pożittiva, il-plejers Maltin urew li b’aktar preparazzjoni u investiment, it-tim Malti jista’ jikseb riżultati aħjar. Dawn il-logħbiet offrew emozzjonijiet għal min kien preżenti għalkemm l-attendenza setgħet kienet aħjar. Mingħajr ma nislet ħafna ismijiet għaliex il-prestazzjoni kienet kollettiva, fost il-protagonisti f’din il-logħba, spikka l-gowlkiper Jake Tanti.
It-tim Malti kiseb vantaġġ doppju fl-ewwel sessjoni b’gowls ta’ Nikolai Zammit u Stevie Camilleri filwaqt li ddefenda b’suċċess żewġ okkażjonijiet ta’ inferjorità numerika. Thomas Vernoux naqqas id-distakk fl-aħħar minuta tas-sessjoni.
It-tieni sessjoni kienet eċċezzjonali għal Malta. Wara li Steven Vitrant ġab id-draw minn kontrattakk, il-plejers Maltin fetħu distakk ta’ 6-3 sa tmiem is-sessjoni. Fatt pożittiv li l-erba’ gowls skorjati waslu kollha minn sitwazzjoni ta’ man-up. Jeremy Abela kompla għal ġewwa mill-qrib filwaqt li t-tliet xellugin fit-tim jiġifieri Nikolai Zammit, Jayden Cutajar u Matthew Zammit kollha sabu x-xibka minn angolu simili.
Ħafna ħasbu li t-tim Malti seta’ jnaqqas ir-ritmu fit-tielet sessjoni iżda l-attenzjoni baqgħet preżenti fil-pixxina. B’mod partikolari spikka l-gowlkiper Jake Tanti li ddistingwa ruħu fil-lasta. Wara li Stevie Camilleri skorja ġmiel ta’ gowl mis-sitt metri, Franza naqqset id-distakk għal 7-5. Jerome Zerafa Gregory skorja mis-centre f’sitwazzjoni ta’ superjorità numerika iżda l-gowl lejn tmiem is-sessjoni ta’ Romain Marion-Vernoux nissel tama ta’ rimonta fit-tim Franċiż.
Camilleri skorja t-tielet gowl personali u għamel ir-riżultat 9-6. Hawn spikkat ir-rimonta Franċiża li wasslet biex ġie annulat id-distakk b’anqas minn minuta u nofs għat-tmiem. Sam Gialanze ħalla lit-tim Malti gowl vantaġġ iżda Enzo Nardon ġab id-draw meta kien fadal 25 sekonda. Fl-aħħar azzjoni tal-logħba, Malta kellha opportunità ta’ gowl minn man-up iżda x-xutt ta’ Jake Muscat ħabat mal-lasta biex il-logħba kellha tiġi deċiża bil-penalties.
Stevie Camilleri, Nikolai Zammit, Jake Muscat u Jayden Cutajar skorjaw għal Malta iżda t-tieni penalty ta’ Liam Galea ġie salvat. Il-Franċiżi skorjaw il-ħames penalties tagħhom bil-captain Ugo Crousillat skorja l-gowl deċiżiv.
L-attenzjoni issa tibda ddur lejn il-fażi finali tal-Kampjonat Ewropew skedata għal Jannar li ġej f’Belgrad. Malta timmira li ttejjeb l-14-il post miksub fil-Kampjonat Ewropew tal-2022, li sa issa hu l-aqwa riżultat miksub.
Malta: J. Tanti, J. Muscat, L. Galea, B. Cachia, S. Gialanze (1), M. Zammit (1), S. Camilleri (3), J. Cutajar (1), J. Abela (1), N. Zammit (2), D. Zammit, J. Bonavia, B. Busuttil, J. Zerafa Gregory (1)
Franza: J. Offner, U. Crousillat (1), A. Bouet (3), D. Do Carmo, T. Vernoux (2), S. Vitrant (1), E. Nardon (1), R. Marion-Vernoux (1), L. Canovas, P. van Peperstraete (1), J.B. Carpentras, A. Hovhannisyan, M. Mas, K. Braise Fernandez
Referees: Tomi Kavcic (Slovenja), Rik Evers (Olanda)
//= $special ?>