Internazzjonali

Il-Polonja: Il-Prim Ministru Tusk jirbaħ il-vot ta’ fiduċja fl-Assemblea…

Donald Tusk

Il-Prim Ministru Pollakk, Donald Tusk, rebaħ vot ta’ fiduċja fil-Gvern tiegħu u meta l-approvazzjoni żammet mal-pronostiku bħala sempliċi ‘formalità’.

Il-Gvern ta’ Tusk hu sostenitur tal-Unjoni Ewropea u l-vot ta’ fiduċja kien meħtieġ wara li l-kamp politiku tiegħu kien tilef l-elezzjoni ta’ jiem ilu għall-Presidenza tal-Polonja.

Il-koalizzjoni mmexxija minn Tusk qed tgawdi maġġoranza ta’ 12-il siġġu fil-Kamra t’Isfel (is-Sejm) tal-Parlament. Għaldaqstant, il-vot ta’ fiduċja fil-Gvern seta’ jgħaddi b’sempliċi maġġoranza fost l-460 deputat tal-Assemblea Nazzjonali.

Iżda qabel il-vot, Donald Tusk qal li d-deputati f’Varsavja ma jistgħux jagħlqu għajnejhom għall-fatt li l-Gvern Pollakk, illum, qed jiffaċċja sfidi akbar wara l-elezzjoni ta’  Karol Nawrocki bħala President tal-pajjiż. Nawrocki għandu l-appoġġ tal-Partit PiS fl-Oppożizzjoni u għandu wkoll id-dritt tal-veto fir-rigward tal-leġiżlazzjoni fuq bażi nazzjonali.

Nawrocki, politiku konservattiv, jopponi għal Ewropa federali kif ukoll għas-sħubija tal-Ukrajna fl-UE u fin-NATO. Fl-istess ħin, mistenni li l-Prim Ministru Tusk għandu jikkonkludi reshuffle sħiħ tal-Kabinett sa nofs is-sajf.