Lokali

Il-proċess tal-ħatra ta’ Kap ġdid tal-PN se jiftaħ b’Kunsill Ġenerali li se jitlaqqa’ fit-22 ta’ Ġunju

L-Eżekuttiv tal-PN japprova Mozzjoni ta’ ringrazzjament lil Bernard Grech għas-servizz li ta bħala Kap tal-PN

Il-Kumitat Eżekuttiv tal-Partit Nazzjonalista llejla ltaqa’ biex japprova l-proċess li għandu jwassal biex jinħatar Kap ġdid tal-PN wara r-riżenja ta’ Bernard Grech ilbieraħ.

Fil-bidu tal-laqgħa, l-Eżekuttiv ħa nota tar-riżenja ta’ Bernard Grech u approva b’vot unanimu Mozzjoni ta’ ringrazzjament lil Bernard Grech għas-servizz tiegħu tul dawn l-aħħar ħames snin fit-tmexxija tal-Partit Nazzjonalista, liema rwol hu se jibqa’ jwettaq sakemm jiġi konkluż il-proċess tal-ħatra tas-suċċessur tiegħu.

Il-membri tal-Kumitat Eżekuttiv approvaw ukoll Mozzjoni li ssejjaħ biex jitlaqqa’ Kunsill Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista, kif jitlob l-Istatut tal-PN, li matulu l-Kummissjoni Elettorali, Rekords u Data tal-Partit Nazzjonalista tiġi inkarigata tibda l-proċess tal-ħatra ta’ Kap ġdid tal-Partit.

Dan il-Kunsill Ġenerali se jkun qed jitlaqqa’ nhar il-Ħadd 22 ta’ Ġunju 2025 fid-Dar Ċentrali tal-Partit Nazzjonalista.

Kif jitlob ukoll l-Istatut tal-Partit Nazzjonalista, il-Kumitat Eżekuttiv approva wkoll ir-regolamenti li bihom se tkun qed titmexxa din l-elezzjoni.

F’kummenti li ta lill-ġurnalisti ftit wara li ntemmet il-laqgħa tal-Eżekuttiv tal-Partit Nazzjonalista, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech insista li tul din il-laqgħa, li kienet waħda mill-aktar serena, ġiet maqbula t-triq ‘il quddiem għall-Partit Nazzjonalista bil-għan li fl-aħħar ta’ dan it-traġitt tiġi magħżula l-persuna li se tkun qed tokkupa l-kariga ta’ Kap tal-PN.

Dan filwaqt li s-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista Charles Bonello stqarr li d-data tat-22 ta’ Ġunju ġiet maqbula sabiex jitlaqqa’ l-Kunsill Ġenerali li matulu jibda l-proċess ta’ ħatra ta’ Kap ġdid tal-PN.

Intant, id-Deputat Nazzjonalista Graham Bencini li mexxa l-Eżekuttiv insista li l-midja Laburista għamlet gidba faħxija u rrappurtat il-falz meta saħqet li kien hemm xi diżgwid matul din il-laqgħa hekk kif insista li matul il-kważi sagħtejn laqgħa kollox tmexxa b’serenità u kordjalità fi qbil unanimu ma’ dawk preżenti.