Lokali Qorti

Il-Qorti tordna biex jittieħdu passi kontra l-partijiet wara ġlieda fl-awla

Il-Prim’Awla tal-Qorti Ċivili għamlet talba għall-assistenza tal-Pulizija. Dan wara li ġlieda li seħħet bejn il-partijiet f’kawża li kienet qed tinstema’ quddiem l-Imħallef Francesco Depasquale fit-tieni sular tal-binja tal-Qorti. Il-ġlieda kienet waħda kemxejn vjolenti fejn il-midruba spiċċaw ukoll mimlija bid-dmija.

Il-kawża kienet dwar ‘boathouse’ fejn jidher li wara li bdew jingħaddu xi kummenti l-ġlieda bdiet teskala bejn żewġt irġiel, li wieħed minnhom jiġi ħatnu. Numru ta’ Pulizija intervjenew fil-post u wara li ttieħdu ċ-Ċentru tas-Saħħa, wara ż-żewġt irġiel ittieħdu l-Għassa tal-Pulizija tal-Belt, Valletta.

Dan ma kienx l-ewwel każ fil-Qorti ta’ ġlieda fejn mhux l-ewwel darba li l-partijiet li jkunu viċin xulxin għall-kawża kemm fil-kurituri tal-Qorti kif ukoll fl-awla. Il-każ tal-Erbgħa filgħodu kien wieħed simili imma kemxejn iktar gravi peress li kien wieħed ferm aggressiv u seħħ fl-awla.

Kienet il-Qorti stess li talbet lill-Pulizija biex tinvestiga l-każ li minn naħa tagħha mill-ewwel bdiet l-investigazzjoni tagħha dwar dan il-każ. Mhux eskluż li jitressqu xi persuni b’rabta ma’ dan il-każ fil-jiem li ġejjin. Għalkemm f’każijiet bħal dawn mhux l-ewwel darba li l-partijiet jaħfru lil xulxin minħabba li l-każ ikun ta’ “saħna tal-mument.”