Ryan Callus, PN
Id-Deputat Nazzjonalista Ryan Callus qal fil-Parlament li l-Wasteserv u l-WSC qed iqabbdu kuntrattur privat biex jingaġġa l-ħaddiema magħhom b’nuqqas ta’ trasparenza.
Ryan Callus tkellem dwar l-importanza tar-riċerka mal-Università ta’ Malta u qal li l-WSC kellha tidħol fi spiża addizzjonali minħabba l-ġeneraturi li tpoġġew fit-toroq meta fil-pajjiż kien hawn qtugħ tad-dawl.
Dwar il-karozzi elettriċi, hu qal li l-gvern għandu jkun pijunier biex jipprovdi lin-nies il-possibbiltà ta’ karozzi elettriċi u wkoll biex il-flotta tiegħu ta’ karozzi tkun ukoll waħda ta’ karozzi elettriċi. Hu rrikonoxxa l-fatt li l-WSC għandha 95% tal-karozzi elettriċi iżda l-gvern għandu ħafna lura milli jkollu l-flotta tiegħu ta’ karozzi elettriċi.
Il-gvern kien ddeċieda li €95 miljun ta’ fondi mill-UE għall-COVID suppost marru biex inxtraw 100 karozza tal-linja elettrika, iżda l-gvern ma żammx din il-kelma.
Dwar il-produzzjoni u d-distribuzzjoni, Ryan Callus qal li punt importanti hu t-tnaqqis tal-ħela fl-ilma mis-sistema. Hu tkellem dwar l-inizjattiva ta’ xorb mill-vit u qal li l-Oppożizzjoni taqbel ma’ din l-inizjattiva. Dan iwassal għal tnaqqis fl-użu tal-fliexken tal-ilma tal-plastic u fl-inkonvinjent mill-pubblika biex jinxtara l-ilma.
Meta tkellem dwar l-ilma tal-pjan, Ryan Callus qal li ħafna mill-ilma li jinġema’ fuq il-bjut qed jispiċċa fit-toroq meta l-bjar jitmlew.
Ryan Callus qal li l-ilma li jinġema’ fit-toroq qed jispiċċa jinħela għaliex mhuwiex jinġabar. Hu ppropona li s-sistemi ta’ ilma tat-tieni pjan għandu kun obbligatorji f’binjiet ta’ ħames sulari. Il-gvern dejjem jinsa’ jgħin permezz ta’ skemi ta’ għajnuna. Dan l-ilma jista’ jintuża għal użu sekondarju fid-djar u mhux biex jinxtorob.
Meta tkellem dwar id-distribuzzjoni tal-ilma tat-tieni klassi lill-bdiewa, hu qal li dan hu proġett tajjeb ħafna għall-bdiewa iżda jridu jsiru iktar studji dwar l-espanzjoni ta’ dan l-ilma. Hu qal li din is-sistema għandha tilħaq postijiet oħra.
Ryan Callus tkellem dwa l-importanza ta’ pjan ta’ żvilupp fil-pajjiż u kompla li l-gvern għandu jirrikonxxi r-realtajiet ta’ dan in-nuqqas ta’ pjan. Hu għamel referenza għall-amministrazzjoni u dwar id-deċiżjoni tal-WSC li l-proċess ta’ ingaġġ ta’ persuni ma tibqax tagħmlu l-WSC iżda ttih lil kumpanija privata.
Din l-offerta tiswa €18-il miljun. Kif se jassigura l-gvern li ma jkunx hemm tbagħbis f’dan il-proċess li issa ngħadda lil kumpanija privata? Korporazzjoni oħra, il-Wasteserv, diġà qed tingaġġa kuntrattur għal skop ta’ reklutaġġ. Qam każ ta’ persuna, li kien ġurnalista tal-One, li kien ingaġġat mill-Uffiċċju tal-Kap Eżekuttiv mal-Wastserv u meta saru l-mistqosijiet il-korporazzjoni wieġbet li tirrifjuta li tagħti l-informazzjoni dwar il-kuntratt tal-impjieg għaliex kien il-kuntrattur privat li għamel l-għażla.
Ryan Callus tkellem fuq l-importanza li t-toroq ma jerġgħux jinqalgħu wara li jkunu saru x-xogħlijiet fihom.
//= $special ?>