Graziella Galea, PN
Id-Deputat Nazzjonalista Graziella Galea sostniet fil-Parlament li l-WSC għandha twettaq investiment fl-infrastruttura.
Hi qalet li bla dubju l-WSC hi korporazzjoni ta’ importanza kbira għall-ħajja ta’ kuljum tal-poplu. Mingħajr is-servizzi li tagħti din il-korporazzjoni nispiċċaw mingħajr ilma fid-djar u bi problemi kbar tad-drenaġġ u allura nistgħu wkoll nispiċċaw bi problemi ta’ saħħa.
Id-deputat Nazzjonalista qalet li Malta m’għandhiex riżorsi naturali tal-ilma. Minbarra l-produzzjoni, irid jiġi assigurat li dak li jiġi prodott jitwassal għand il-konsumatur u li dak li jitwassal għand il-konsumatur ikun tal-aqwa livell. Irid jiġi assigurat li kemm jista’ jkun, l-ammont ta’ ilma li jiġi prodott ma jintilifx qabel jitwassal għand il-konsumatur.
F’dan ir-rigward, il-korporazzjoni għandha tara li l-infrastruttura tagħha tkun waħda sodisfaċenti. Irid jigi assigurat li l-mains tal-ilma ma jkunux sors ta’ telf tal-istess ilma. Hawn enfasizzat l-importanza li l-mains tas-servizzi tal-ilma jkunu fuq iż-żewġ naħat tat-triq.
Meta l-mains ikunu hekk, il-ħsarat fuq is-sistema jkunu anqas. L-ispiża kapitali oriġinali tkun iktar milli kieku jkun hemm main wieħed biss f’nofs it-triq iżda, minbarra l-ispiża kapitali oriġinali wieħed irid iżomm quddiem għajnejh il-ħsarat ikbar li jista’ jkun hemm u allura wkoll l-ispejjeż ikbar li jkunu meħtieġa għall-manutenzjoni.
F’ċertu postijiet il-korporazzjoni, qed tpoggi dual mains, wieħed fuq kull naħa tat-triq. Il-korporazzjoni għandha tkun minn ta’ quddiem biex tinsisti li jkun hemm spralli fuq iż-żewġ naħat tat-toroq, biex lanqas ikun hemm bżonn ta’ qlugħ tal-istess toroq għaliex is-servizzi jkunu qed jgħaddu minn dawn l-ispralli.
B’hekk ħsarat oħra fit-toroq li jsiru minħabba l-ħsarat fil-mains tal-ilma jinqatgħu, jew almenu jitnaqqsu ħafna.
Il-korporazzjoni trid tassigura li jkollha pjan iktar long term biex il-mains tal-ilma jinbidlu. Hawn lokalitajiet fejn il-mains tal-ilma ilhom fil-post għal numru twil ta’ snin u fejn dawn il-mains ikollhom il-ħsarat b’mod regolari. Il-korporazzjoni għandha l-informazzjoni meħtieġa dwar fejn qed ikun hemm ħsarat b’mod regolari.
Fejn dan qed jiġri l-WSC għandha tara li tfassal pjan fit-tul biex ikunu jistgħu jinbidlu l-mains. Jekk, f’San Pawl il-Baħar, wieħed jinduna kemm hi serja l-problema tal-mains meta jara li triq wara triq tinqala’ regolarment biex isiru fosthom it-tiswijiet.
Dawn il-ħsarat qed jagħmlu ħsara mhux żgħira fl-infrastruttura kollha u għalhekk hu meħtieġ li jsir pjan fit-tul.
Hi qalet li sar xogħol fuq tlieta jew erba’ toroq fejn is-servizzi tal-ilma u d-drenaġġ ukoll inbidlu kollha. Dan l-eżerċizzju jrid jitkompla fuq it-toroq kollha madwar Malta u Għawdex.
Graziella Galea qalet li minbarra l-ilma tax-xorb, il-WSC hi wkoll responsabbli mid-drenagg u f’ċertu ċirkostanzi wkoll fid-distribuzzjoni tan-new water.
Id-diffikultajiet marbuta mad-drenaġġ huma ikbar minn dawk marbuta mal-ilma. Dan għaliex filwaqt li l-ilma tax-xorb li jintilef, ikun qed ifisser spejjeż żejda u ħela ta’ riżorsi skarsi, fid-drenaġġ hemm ċirkostanzi li l-leakages tad-drenaġġ iġibu magħhom mard.
L-infrastruttura tad-drenagg għandha bzonn bidliet kbar. F’San Pawl il-Baħar, l-ewwel nett irridu nieħdu kunsiderazzjoni li parti sostanzjali ta’ din l-infrastruttura saret meta l-popolazzjoni tal-lokalità kienet ferm inqas milli hi llum u meta n-numru ta’ postijiet kummerċjali lanqas biss jista’ jitqabbel ma’ dak li hawn illum. Saret meta l-firxa tal-bini kienet ferm inqas milli hi llum.
Kif inhu magħruf in-numru ta’ każi fejn ikun hemm żbroff tad-drenaġġ fil-lokalità mhux żgħir. Il-mains li hemm fuq il-post huma qodma, u spiss, b’mod partikulari fejn il-mains huma ta’ asbestos imfarrkin u b’leakages minnhom. Għad m’hemmx pjan komprensiv ta’ x’inhuma l-ħtiġijiet infrastrutturali fis-sistema tad-drenaġġ.
Hi qalet li għandu jiġi assigurat li l-mains fit-toroq li għandhom bżonn jitkabbru jew jinbidlu, isir fuqhm ix-xogħol infrastrutturali meħtieġ. Dan għandu jsir bi pjan iktar koordinat biex jiġu evitati problemi oħra iktar ‘il quddiem. Hi meħtieġa koordinazzjoni ferm aħjar, kemm dwar fejn isir ix-xogħol kif ukoll dwar kif isir l-istess xogħol.
Graziella Galea sostniet li l-ilma tat-tieni klassi għandu jitwassal lill-ikbar numru ta’ bdiewa possibbli. Hu importanti li fejn hemm ix-xogħol infrastrutturali lest, l-ilma jitwassal.
Il-bdiewa li għandhom l-għelieqi tagħhom fir-rotta ta’ fejn għaddew il-mains, miċ-Ċumnija fil-Mellieħa, sa San Pawl il-Baħar u sal-Imġarr, jistennew li fejn l-ilma għadu mhux disponibbli, jitwasslilhom fl-iqsar żmien possibbli.
//= $special ?>