Lokali

Inċertezzi u ansjetà fost il-producers tal-PBS li ilhom ma jitħallsu x-xhur

“Hawn klima ta’ biża’ li ftit jitkellmu dwarha. Ma nafux meta se nitħallsu u ma nafux jekk il-programmi tagħna hux se jintgħażlu għall-iskeda li jmiss.”

Kien dan is-sentiment xokkanti espress minn numru ta’ producers li jaħdmu fuq bażi freelance mal-PBS, li minħaba l-biża’ li qed jiffaċċjaw, għażlu ili jibqgħu anonimi.

F’email mibgħut lil Net News dawn il-producers spjegaw li s-sitwazzjoni fil-PBS hija waħda li mhux sostenibbli, madanakollu ftit huma dawk li jitkellmu dwarha.

Dan hekk kif bosta producers ilhom ma jitħal;su minn Jannar ta’ din is-sena, b’oħrajn li saħansitra ilhom bla pagamenti sa mis-sena 2023. F’din l-email il-producers spjegaw li dan mhux każ rari anzi hija n-norma. b’din is-sitwazzjoni toħloq pressjoni kbira fuq dawn il-ħaddiema li naturalment jddependu minn din il-paga li hija sors ta’ dħul tagħhom.

Iżda l-problema ta’ pagamenti mhux l-unika problema li qed jaffaċċjaw dawn il-ħaddiema hekk kif jidher li bosta producers għdhom mingħajr ħjiel jekk il-programmi tagħhom hux se jintgħażlu għall-iskeda li jmiss. U għalhekk huma għadhom f’limbu dwar x se jiġri, b’dawn il-prouducers jispjegaw ukoll kif ħafna minnhom ma jistaqsux la dwar il-pagamenti u lanqas dwar l-iskedi hekk kif hemm ambjent ta’ biża’.

Bil-producers jispjegaw f’dan l-email li ħafna minnhom ma jistaqsux hekk kif hemm riskju li min jistaqsi jispiċċa kompletament eleminat.

Huma stqarrew li għal ħafna minnhom dan huwa l-unika impjieg tagħhom u jekk jibqgħu bla paga jistgħu jitilfu kollox hekk kif qegħdin f’sitwazzjoni fejn iħallsu l-VAT u t-taxxa mingħajr ma jdaħħlu l-ebda forma ta’ paga.