Lokali

Jinfetħu disa’ swali ġodda fil-Palazz tal-Gran Mastru

Il-viżitaturi fil-Palazz tal-Gran Mastru fil-Belt Valletta issa għandhom aċċess għal disa’ swali ġodda li qatt qabel ma kienu miftuħin għall-pubbliku. Bl-inawgurazzjoni ta’ dawn is-swali, ser tkompli tissaħħaħ l-esperjenza tal-pubbliku f’dan l-aktar sit popolari ta’ Heritage Malta.

Ċerimonja li saret fil-Piano Nobile tal-Palazz fetħet uffiċjalment dawn l-ispazji ġodda, fejn sar restawr estensiv tas-soqfa tal-injam iddekorat, affreski u pitturi, damask u pittura fuq il-ħitan, kif ukoll l-art magħmula kemm mill-irħam kif ukoll miċ-ċangatura.

Dawn is-swali kienu jiffurmaw parti mill-appartament tas-sajf tal-Gran Mastru, u jinkludu s-Salott u l-Istudju, il-Kamra tas-Sodda u l-Kappella. Infetħu wkoll il-Cabinetto di Curiosità, il-Kamra tal-Kappillan Konventwali u l-Uffiċċju tat-Teżor, u tliet swali oħra li fihom wirjiet tematiċi li jiffukaw fuq l-istorja tal-Palazz fi żmien il-perjodu Franċiż, l-Ordni ta’ San Mikiel u San Ġorġ, u l-Parlament Malti, li sa ftit snin ilu kien jiltaqa’ f’dan l-istess Palazz.

Bosta mill-ispazji msemmija jinkludu fihom għamara u artefatti mis-sekli 16 sa 18, li ngħataw lill-aġenzija aktar kmieni din is-sena mill-kollezzjonist lokali Paul Zammit bħala parti minn donazzjoni ġeneruża b’tifkira tal-ġenituri tiegħu. Din kienet waħda mill-akbar u l-aqwa għotjiet li qatt irċeviet il-kollezzjoni nazzjonali sa mit-twaqqif tal-Kumitat għall-Amministrazzjoni tal-Mużew fl-1903.

Il-Palazz tal-Gran Mastru reġa’ nfetaħ għall-pubbliku f’Jannar 2024, mat-tlestija tal-ewwel fażi tal-proġett ta’ restawr. Il-proġett qed jitwettaq b’investiment ta’ aktar minn €40 miljun iffinanzjat mill-Gvern Malti u bi 18-il miljun minnhom b’kofinanzjament mill-Unjoni Ewropea bħala parti mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali.

Fl-indirizz tagħha waqt iċ-ċerimonja, l-Eċċellenza Tagħha Myriam Spiteri Debono, il-President ta’ Malta, irrikonoxxiet l-isforzi ta’ dawk kollha li ħadmu biex dawn is-swali jinfetħu għall-pubbliku. Il-President ta’ Malta aċċennat ukoll għad-donazzjoni ta’ Paul Zammit, li fissritha bħala ġest imprezzabbli biex l-artefatti storiċi tal-epoka jkomplu jitgawdew mill-ġenerazzjonijiet futuri. Appellat biex iktar kollezzjonisti u sidien ta’ artefatti simili jsegwu l-eżempju ta’ Zammit, u huma wkoll, permezz ta’ arranġamenti, jgħaddu dawn l-oġġetti għat-tgawdija tal-pubbliku, sew jekk huma pitturi jew għamara imma wkoll manuskritti u pubblikazzjonijiet rari li jistgħu jkomplu jsaħħu l-Arkivji u l-Biblijoteka Nazzjonali.

Mario Cutajar, iċ-Chairman ta’ Heritage Malta, qal li: “Il-Palazz għall-pajjiż ifisser iktar minn simbolu ta’ awtorità għal mijiet ta’ snin. Huwa wkoll l-istorja nnifisha ta’ pajjiżna, minn wara l-Assedju l-Kbir ’il hawn. Kull investiment fih huwa investiment fl-istorja. Bħala l-aġenzija fdata bil-ħarsien tal-patrimonju Malti, irridu nfissru u nwasslu speċjalment ir-relazzjoni bejn id-deċiżjonijiet li ttieħdu fih u n-nies hemm barra, li tul is-snin inġabru fil-pjazza ta’ quddiemu, daqqa għal raġuni u daqqa għal oħra. Il-kollezzjonijiet li nsibu fil-mużewijiet tagħna huma għodod biex nagħmlu dan, u donazzjonijiet b’saħħithom bħal ta’ Paul Zammit ikomplu jgħinuna fil-missjoni.”

Noel Zammit, il-Kap Eżekuttiv ta’ Heritage Malta, ikkummenta li: “F’dawn l-aħħar snin, Heritage Malta ħadmet qatigħ biex treġġa’ lura lejn dan il-palazz artefatti li lura fiż-żmien kienu parti minnu. Xtrajna wkoll artefatti li jixraq li jkunu f’dan il-palazz u li wħud minnhom saħansitra kienu nbiegħu mill-palazz stess sekli ilu. Din il-ħidma, li għadha għaddejja, qed tagħti l-frott mixtieq, hekk kif il-Palazz jinsab fuq quddiem nett fil-lista tas-siti ta’ Heritage Malta li l-aktar iżuruhom nies, u ċ-ċifri juru żidiet konsiderevoli.”