Il-Fondazzjoni Kulturali Papa San Ġwanni Pawlu II se tkun qed tospita Kor Taljan, biex iwettaq kunċeri f’erba’ lokalitajiet f’Malta u Għawdex.
L- “Schola Cantorum Trichianensis” huwa l-kor ewlieni tal-parroċċa ta’ Trichiana, fir-Reġjun tal-Veneto, li jagħmel parti mill-Provinċja ta’ Belluno, fit-Tramuntana tal-Italja.
Huwa magħmul minn tużżana elementi, immexxija mis-Surmast Federico Cortina u akkumpanjati fuq l-orgni mis-Surmast Sebastiano Sitta.
Il-kor joffri servizz liturġiku kull nhar ta’ Ħadd u f’solennitajiet ewlenin oħra, janima l-Assemblea kif ukoll iwettaq mużika aktar impenjattiva, mill-kant Gregorjan sal-polifonija Rinaxximentali biex iħaddan repertorju aktar modern, biex isebbaħ ir-rit reliġjuż u jgħolli l-ispirtu tal-fidili.
F’dan is-sens, l-Schola Trichianensis ipparteċipat ukoll f’kunċerti ta’ mużika sagra.
Il-Fondazzjoni ħadet din l-opportunità, waqt li dan il-kor qed iżur Għawdex biex ifakkar lill-Qdusija Tiegħu l-Papa Franġisku fit-tieni xahar mill-mewt tiegħu. Għalhekk, il-kor mistieden se jkun qed jipparteċipa waqt din il-kommemorazzjoni “IN MEMORIAM” nhar il-Ħamis 26 ta’ Ġunju 2025 fil-Knisja Parrokkjali tan-Nawfraġju ta’ San Pawl f’Munxar, u jibda fis-19.30pm.
Il-kor f’Malta se jkanta wkoll il-Ġimgħa 27 ta’ Ġunju 2025 fil-Knisja Parrokkjali ta’ San Pawl f’Ħal Safi. Is-Sibt 28 ta’ Ġunju 2025 il-kor se jdoqq fil-Knisja Parrokkjali ta’ Santu Wistin fil-Belt Valletta u nhar il-Ħadd 29 ta’ Ġunju fil-Knisja tal-Lunzjata tal-Madonna u ta’ San Duminku fil-Birgu, ser ikun l-aħħar kunċert. It-tliet kunċerti jibdew fis-19.30pm.
Il-pubbliku huwa mistieden jattendi.
//= $special ?>