Il-Pulizija fl-Awstrija, fl-aħħar sigħat, kienet qed tinvestiga x’wassal biex raġel ta’ 21 sena jwettaq l-akbar massakru ta’ studenti fl-istorja moderna tal-pajjiż. Sparatura li ħalliet għaxra mejtin, il-maġġoranza tagħhom studenti żgħażagħ, u li xeħtet lill-pajjiż f’luttu sħiħ.
L-awtoritajiet ma identifikawx uffiċjalment lill-aggressur responsabbli mill-qtil tal-massa li seħħet nhar it-Tlieta fl-iskola sekondarja ta’ Dreierschützengasse, lejn il-majjistral ta’ Graz.
Intant, l-investigazzjonijiet dwar l-inċident xokkanti tat-Tlieta, fil-preżent, qed jitmexxew mill-membri tal-Uffiċċju Kriminali Awstrijak u għalissa għad ma hemm l-ebda indikazzjonijiet ta’ mottiv terroristiku.
Dan ukoll meta l-Ministru għall-Intern Awstrijak, Gerhard Karner, ikkonferma ‘mingħajr ħjiel ta’ dubju’ li l-aggressur – li qatel lilu nnifsu fuq il-post tad-delitt – hu eks student tal-iskola partikulari li kien falla fit-tentattiv li jiggradwa.
L-Uffiċjali anki kkonfermaw li l-aggressur ma kienx magħruf mal-pulizija qabel l-attakk u wisq anqas kellu rekord kriminali. Fl-istess ħin, iż-żagħżugħ, fl-isparatura, kien uża pistola u senter li t-tnejn kienu liċenzjati skont il-liġi. Dan waqt li l-investigazzjonijiet żvelaw li l-aggressur – ċittadin Awstrijak – kien residenti fir-reġjun ta’ Graz u li hu ma kellu l-ebda kompliċi waqt l-isparatura.
Intant, l-eluf tal-Awstrijaċi osservaw illejl ta’ silenzju għall-vittmi tal-isparatura u fost sens ta’ niket profond fuq livell nazzjonali. Il-Gvern Awstrijak, intant, iddikjara tlett ijiem ta’ luttu uffiċjali waqt li l-bnadar fl-Awstrija tniżżlu mezz’asta fuq il-bini pubbliċi kollha madwar il-pajjiż.
Fl-aħħar sigħat, il-Pulizija qalet li sabet ‘ittra tal-aħħar’ mill-aggressur waqt it-tfittxija intensiva li saret fid-dar tiegħu. Instabu wkoll il-biċċiet ta’ bomba primittiva (pipe bomb) u bl-investigazzjoni qed tipprova tgħaqqad it-truf ta’ misteru li għadu s’issa miftuħ għal diversi possibbiltajiet.
Fil-massakru tat-Tlieta mietu sitt tfajliet u tliet ġuvintur – bi tfajla oħra tmut l-isptar ftit sigħat wara l-isparatura. Dan fost il-konferma li tal-anqas 14 midruba spiċċaw midruba fl-attakk.
L-iskola li, għal ftit minuti terribbli, inbidlet f’ċentru tal-mewt, għandha tibqa’ magħluqa għal żmien indeterminat waqt li l-poplu jipprova jistejqer mill-effetti tal-isparatura.. Inċident li l-Kanċillier Awstrijak, Christian Stocker, irrefera għalih bħala ‘traġedja nazzjonali li laqtet il-proprju polz tas-soċjetà’.
//= $special ?>