Futbol Sport

Marsaxlokk jakkwistaw lill-gowlkiper ta’ Floriana, Christoffer Mafoumbi

Christoffer Mafoumbi
Christoffer Mafoumbi

Wieħed mill-aħjar gowlkipers li kellna fl-istaġun li għadu kemm intemm, fil-Malta Premier, Christoffer Mafoumbi, se jkun qed jilgħab ma’ Marsaxlokk fl-istaġun il-ġdid 2025/26.

Dan tħabbar uffiċjalment mill-paġna soċjali ta’ Marsaxlokk li żvelat li l-internazzjonali tal-Kongo ffirma magħhom wara staġun pożittiv bejn il-lasti ta’ Floriana.

Il-gowlkiper ta’ 31 sena, li fil-passat lagħab ukoll ma’ Floriana, kien wieħed mill-gowlikpers l-aktar affidabbli bejn il-lasti tat-tim tiegħu tul l-istaġun fejn 33 partita li lagħab fil-Malta Premier, Mafoumbi sofra biss 21 gowl; medja ta’ 0.59 gowls maqgħluha f’kull logħba li fiha kien bejn il-lasti tal-greens.

Christoffer Mafoumbi
Christoffer Mafoumbi

L-istatistika miġbura fit-tmiem tal-istaġun mill-paġna ta’ Replay fuq Facebook, tkompli tikkonferma kemm Mafoumbi kien fost l-aqwa gowlkipers li kellna fil-Malta Premier 2024/25 għaliex fil-klassifika tal-ammont ta’ saves li kull gowlkiper tal-Kampjonat wettaq, l-akkwist il-ġdid ta’ Marsaxlokk temm fit-tielet post ta’ din il-klassifika, b’87 save.

Mhux hekk biss iżda bħala medja, Mafoumbi kien l-aktar gowlkiper fil-Malta Premier, li ċaħħad lit-tim avversarju minn opportunitá ta’ skor, b’ammont medju ta’ 7.06 azzjonijiet ta’ skor f’kull partita li kienu salvati direttament minn Mafoumbi.

L-akkwist ta’ Mafoumbi jkompli jsaħħaħ lix-Xlukkajri li għall-istaġun li jmiss għandhom ambizzjonijiet li jkunu tim aktar b’saħħtu milli kienu fl-2024/25.