Raġel akkużat li ssossa lil ibnu ta’ 15-il jum u tefgħu fuq is-sodda ġie meħlus minn kull akkuża wara li s-sieħba tiegħu talbet li l-proċeduri jitwaqqfu. Ir-raġel ta’ 24 sena residenti l-Belt Valletta ġie meħlus minn kull akkuża ta’ vjolenza domestika wara li l-‘partner’ tiegħu ħafritlu.
Ir-raġel kien tressaq il-Qorti fis-17 ta’ April mixli b’diversi akkużi ta’ vjolenza domestika, fosthom ukoll li kkawża biża’ ta’ vjolenza fuq it-tifla tas-sieħba tiegħu, li kienet preżenti waqt l-allegat incident u rat x’ġara lil ħuha u lil ommha.
Fuq ordni tal-Qorti, l-ismijiet tal-persuni kollha ma jistgħux jiġu ppubblikati. Il-Qorti inizjalment kienet ċaħdet it-talba għall-ħelsien mill-arrest iżda fit-2 ta’ Mejju, l-akkużat ingħata l-ħelsien wara li s-sieħba tiegħu flimkien ma’ bintha ddikjaraw fil-Qorti li riedu jirtiraw il-kawża u jirtiraw l-akkużi kollha kontrih.
Il-Maġistrat Lara Lanfranco nnotat kif il-partner tal-akkużat u bintha xehdu li ħadd ma influwenzahom biex jieħdu din id-deċiżjoni, u spjegat li għamlet dan għaliex it-tarbija tagħhom ma sofriet l-ebda ġrieħi.
Hija qalet ukoll li “ma tridx li wliedha jitilfu lil missierhom, li dejjem trattahom tajjeb.” Fil-fatt, semmiet kif matul il-perjodu li fih kien arrestat, it-tfal kienu dejjem jistaqsu jekk il-missier kienx se jerġa’ lura.
Diversi tobba li eżaminaw kemm it-tarbija kif ukoll it-tifla xehdu fil-Qorti. Il-Qorti nnutat kif ħadd mit-tobba ma kkonkluda li t-tarbija sofriet xi ġrieħi jew turi xi sinjali ta’ trawma li setgħu jirriżultaw mill-allegat attakk. Lanqas it-tifla ma rriżulta li kellha xi ġrieħi.
Għalkemm il-Qorti setgħet tipproċedi bil-każ minkejja li l-partner u bintha rtiraw l-akkużi, għażlet li tħallihom jirtirawhom, prinċipalment minħabba l-fatt li ma kien hemm l-ebda ġrieħi u x-xhieda rrifjutaw li jixhdu.
B’hekk, il-Qorti ħelsitu minn kull akkuża. L-ordnijiet ta’ protezzjoni favur il-partner u s-seba’ wlied tagħha m’għadhomx fis-seħħ.
L-akkużat kien rappreżentat mid-difiża mmexxija mill-avukati Arthur Azzopardi, Jacob Magri, Nicholas Mifsud u Mario Mifsud.
//= $special ?>