– Claudette Buttigieg, PN
Id-Deputat Nazzjonalista Claudette Buttigieg qalet fl-Aġġornament tal-Parlament li dan mument kruċjali għal pajjiżna, u mhux biss, għall-Partit Nazzjonalista.
Dawn huma żminijiet li jitolbu ħarsa ‘l ġewwa, għaqda u viżjoni ċara għall-futur ta’ Malta.
Hi estendiet il-gratitudni lejn Bernard Grech għas-servizz tiegħu bħala l-Kap tal-Partit Nazzjonalista.
Li tmexxi partit politiku, speċjalment wieħed fl-Oppożizzjoni, huwa kompitu impenjattiv u spiss dak li bl-Ingliż jissejjaħ “a thankless task”, mimli sfidi kbar u li jitlob dedikazzjoni bla preċedent, qalet id-deputat Nazzjonalista, li kompliet li Bernard Grech ħa din ir-responsabbiltà fi żminijiet eċċezzjonalment diffiċli, u mexxa f’ilmijiet politiċi kumplessi b’integrità u impenn sod.
Matul il-kariga tiegħu, Bernard Grech wera mħabba profonda għal pajjiżna u twemmin sod fil-prinċipji li jsostnu l-partit tagħna; il-ġustizzja, il-korrettezza, u ħidma politka lejn kwalità ta’ ħajja aħjar għall-Maltin u l-Għawdxin kollha.
Huwa ddedika ħinu, issagrifika l-ħin personali tiegħu u tal-familja tiegħu, biex joħloq il-viżjoni tagħna, biex iżomm lill-gvern responsabbli u jiddefendi lil dawk li l-vuċijiet tagħhom spiss ma jinstemgħux. Nemmen li għamel sforz ġenwin u ta’ dan għandna nkunu grati lejh. Grazzi, Bernard Grech, sostniet id-deputat Nazzjonalista.
Hi rringrazzjatu tal-fiduċja li wera fiha u tar-rispett li dejjem urieni u sellmet ukoll lil martu Anne Marie u lill-familja tagħhom.
Dan il-mument ta’ tranżizzjoni għandu jservi wkoll bħala tfakkira qawwija tar-responsabbiltà kollettiva li tistrieħ fuq l-ispallejn ta’ kull membru tal-Parlament.
Miż-żewġ naħat tal-Kamra, imma f’dan il-mument, żgur lil dawk kollha li jinsabu fuq il-bankijiet tal-Oppożizzjoni, u tabilħaqq, fuq kull membru tal-Partit Nazzjonalista. Ir-rwol tagħna bħala l-gvern alternattiv mhuwiex sempliċiment li nopponu, iżda li nipprovdu viżjoni kredibbli, koerenti, u konvinċenti għal Malta.
Huwa d-dmir tagħna li niskrutinizzaw, li nistaqsu u li niżguraw ir-responsabbiltà fl-interess pubbliku. Iżda aktar minn hekk, huwa d-dmir tagħna li nuru lin-nazzjon li aħna magħqudin fl-iskop, iffokati fuq l-isfidi reali li jiffaċċjaw in-nies tagħna, u kapaċi mmexxu.
L-elettorat jistenna u jixraqlu Oppożizzjoni b’saħħitha u koeżiva li taġixxi bħala ħajt ta’ kenn, anzi sur veru kontra l-abbuż u bħala dawl ta’ tama għal futur isbaħ.
Is-saħħa kollettiva tagħna tinsab fil-kapaċità tagħna li naħdmu flimkien, li npoġġu l-interess nazzjonali fuq kollox, u li niftakru li l-għan aħħari tagħna huwa li nagħqdu lill-poplu Malti, mhux l-ambizzjoni individwali.
Claudette Buttigieg appellat biex inħaddnu din ir-responsabbiltà kollettiva b’umiltà u determinazzjoni. Nagħmlu żball kbir meta nħarsu biss lejn ir-rwol ta’ min imexxi partit, fil-Gvern jew fl-Oppożizzjoni, daqslikieku din hija responsabbiltà ta’ individwu waħdu. Hemm responsabbiltà kollettiva li trid tinġarr minn kulħadd.
Dan il-Parlament, l-ogħla istituzzjoni ta’ pajjiżna, għandha bżonn membri li jħaddnu valuri ta’ veru.
Llum li tgħid li tħobb lil pajjiżek ma jfisser xejn jekk m’intix lest li tiġġieled għall-protezzjoni tal-wirt ambjentali, naturali, storiku u kulturali ta’ pajjiżna. Illum iċ-ċittadini qed jingħaqdu u qed isemmgħu leħinhom u min ikun f’din il-kamra jrid mhux biss jisma’, imma jaġixxi.
Id-deputat Nazzjonalista qalet li s-sistema tal-petizzjonijiet li hemm fuq il-website tal-Parlament, għandha tiġi indirizzata mill-aktar fis possibli. Qed isiru ilmenti minn persuni li jiffirmaw petizzjoni u wara ftit jiskopru li kien hemm problema teknika. Ġrat lili wkoll. Dan huwa servizz fundamentali f’demokrazija moderna fejn petizzjoni hija l-vuċi diretta tal-poplu, sostniet id-deputat Nazzjonalista Claudette Buttigieg.