Internazzjonali

Imut Brian Wilson – il-kantant ikoniku tal-grupp The Beach Boys

Brian Wilson, il-kantant leġġendarju u kofundatur tal-grupp tar-Rock Amerikan, The Beach Boys, miet fl-età ta’ 82 sena wara li kien ilu l-aħħar xhur jgħix fi stat ta’ demenzja.

Wilson, li esperimenta b’diversi tipi ta’ mużika u li – flimkien mal-grupp tiegħu pproduċa taħlita ta’ mużika ‘West Coast’ u ‘Yacht Rock’ – kiseb fama mondjali b’sensiela ta’ suċċessi tal-Beach Boys; b’mod partikulari matul is-snin sittin.

Wilson kien il-moħħ wara d-diski klassiċi tal-Beach Boys bħal ‘God Only Knows’, ‘Sloop John-B’. Barbara Ann, Do It Again, You’re So Good To Me, Breakaway, I Can Hear Music u – riċentement – ‘That’s Why God Made The Radio’.

Wilson, li twieled fl-1942 u li trabba f’Hawthorne, fl-Istat ta’ Kalifornja, kien ifforma l-Beach Boys flimkien ma’ ħutu Carl u Dennis, il-kuġin tiegħu Mike Love u l-ħabib kbir tiegħu Al Jardine.

Grupp li maż-żmien sar wieħed mill-aktar kumplessi rikonoxxuti u popolari fid-dinja. L-ekwivalenti Amerikana ta’ ‘The Beatles’ bi stil ta’ mużika li identifika lil The Beach Boys bħala l-akbar u l-aħjar esponenti tal-hekk imsejjaħ California Sound.

Dan ukoll meta l-Beach Boys, mindu twaqqfu, irnexxielhom ibigħu aktar minn 100 miljun diska madwar id-dinja – bil-ġurnal mużikali influwenti Rolling Stone ipoġġihom fit-12-il post tal-lista għall-‘100 l-Aqwa Artisti Mużikali ta’ Kull Żmien’.