Lokali Parlament

Nagħmlu politika tal-valuri

Albert Buttigieg

Id-Deputat Nazzjonalista Albert Buttigieg sostrna fl-Aġġornament tal-Parlament li l-pajjiż għandu jwettaq politika ta’ valuri.

Hu qal li kulmin siefer fi bliet kbar, żgur iltaqa’ ma’ persuni mhux biss jittalbu fit-toroq imma saħansitra jgħixu barra taħt il-kartun fil-kesħa u l-bard.

Diversi drabi dawn il-persuni jinsabu f’dan l-istat ta’ vulnerabbiltà mhux biss minħabba nuqqas ta’ saħħa mentali jew minħabba vizzju ta’ xi sustanzi, IMMA anke minħabba trawmiet,u diffikultajiet li kellhom f’ħajjithom. Kull persuna li tgħix barra mhux biss hija traġedja u fraġilità umana, imma messaġġ ta’ ċanfira lis-soċjetà

Hu qal li din ir-realtà issa tinsab ukoll f’pajjiżna. Fostna għandha kemm barranin imma anke Maltin ħutna li qegħdin jgħixu barra fit-triq. Din mhix perċezzjoni imma hija realtà. Hija ironika li hawn dawn il-persuni jittalbu meta niftaħru li qegħdin ngħixu aħjar u li l-GDP huwa wieħed b’saħħtu!

Ir-raġunijiet għal din il-vulnerabbiltà huma varji; min-nuqqas tas-saħħa mentali għall-vizzju tad-droga għal nuqqas ta’ djar. Għalkemm ir-raġunijiet huma varji imma lkoll huma stejjer ta’ vulnerabbiltà u traġedja umana li quddiemhom m’għandnix inkunu ċiniċi.

Albert Buttigieg qal li ftit ġranet ilu, ġew arrestati 12 il-persuni – kemm barranin u kemm Maltin – u ttelgħu l-Qorti. Huma ġew akkużati li kienu qed jittalbu u jdejqu lin-nies. Fid-dawl li ma għandhomx indirizz fiss, allura l-Qorti żammithom maqfula.

Filwaqt li l-liġijiet tal-pajjiż għandhom ikunu osservati minn kulħadd u jekk hemm min jinsab fil-pajjiż b’mod abbużiv, hemm ukoll konsegwenza u ħadd ma għandu jdejjaq lil ħadd, imma fl-istess waqt ma nistgħux nagħmlu show b’dawn il-persuni imma li noffru s-sostenn u l-għajnuna. Dan nagħmluh jekk verament nemmnu li aħna ‘a caring society’.

Hu kompla semma’ d-diversi stqarrijiet li ħarġu numru ta’ NGOs, fosthom YMCA, l-Aditus Foundation u l-Kummissjoni Gustizzja u Paċi u qal li dawn il-persuni għajnuna għandhom bżonn u mhux li inpinġuhom bħala kriminali. B’din l-azzjoni diversi ser ikunu mbezzgħa biex ifittxu l-għajnuna għaliex jibza’ li jiġrilhom l-istess! Għaldaqstant, għandu jkun hemm empatija u mhux forza waqt li l-Gvern jagħti appoġġ akbar lil dawn l-NGOs li jaħdmu fost dawn il-persuni.

Jista’ jkun li l-Gvern ħa din l-azzjoni biex ipaxxi lil dawk tal-lemin jew xellug estrem. Filwaqt li nifhem il-preokkupazzjoni tagħhom u nifhem ukoll il-problemi li dawn il-persuni li jittalbu fit-toroq tagħna jisgħtu jġibu magħhom, imma fl-istess waqt ma nistax nifhem l-ipokrezija ta’ min jitkellem aggressiv fuq dawn il-persuni, aktar u aktar meta dawn il-persuni li jikkumnetaw ikunu l-ewwel nies li jiftaħru b’ritratti tal-qaddisin u tal-Madonna u l-Qalb ta’ Gesù, sostna d-deputat Nazzjonalista.

Hu qal li l-Gvern għandu jiġri wara l-kriminali u mhux wara persuni vulnerabbli. Bħala politiċi rridu nkunu vuċi lid-dinjita’ ta’ kull persuna. It-tajjeb u l-ħażin ma jinbidilx skont opinjoni pubblika. Filwaqt li l-liġijiet tal-pajjiżna għandhom ikunu mħarsa, imma ejjew nifhmu li jekk verament irridu nibnu soċjetà aktar ħanina u aktar umana, allura rridu nuru aktar empatija u sostenn li min huwa dgħajjef fis-soċjetà tagħna. Nagħmlu politika tal-valuri, sostna Albert Buttigieg.