Opinjoni

OPINJONI: Inservu b’umiltà

Wasalna biex nagħlqu sena mill-aħħar elezzjonijiet tal-kunsilli lokali li saru bħal-lum sena, fejn permezz ta’ proċess elettorali ġust u ħieles, ġie magħżul min se jmexxi l-kunsilli lokali għal-leġiżlatura li ninsabu fiha

minn Annabelle Marmara
Kunsilliera PN, Kunsill Lokali
Ħal Tarxien

Wara dan il-ġudizzju tal-eletturi, l-amministrazzjonijiet il-ġodda suppost li bdew iwettqu l-programm elettorali tagħħom biex kif jispiċċalhom it-terminu, l-istess proċess jirrepeti ruħu u jerġa’ jsir ġudizzju fuq il-ħidma li tkun saret. Hekk taħdem id-demokrazija u l-vuċi tal-poplu għandha tkun dejjem rispettata.
Dak li ġara f’Ħal Għargħur fl-aħħar ġranet hu daqqa ta’ ħarta f’wiċċ il-votanti għax il-ġudizzju tagħhom ma ġiex rikonnoxut u ġie mormi.
Biex id-daqqa tkun aktar ħarxa u jkun żgurat li r-rieda tal-votant ma tibqax tiswa, ikollok Ministri u membri parlamentari jirrepetu l-litanija ordnata u jipprovaw ibigħulna l-idea li meta taħtaf Kunsill li ma għandekx l-iċken maġġoranza, hu parti minn proċess demokratiku.
Personalment meta kkontestajt l-ewwel darba l-elezzjonijiet tal- Kunsilli Lokali fuq il-lokalità ta’ Ħal Tarxien, lir-residenti tajthom il-kelma li nkun il-vuċi tagħhom. Wegħidtom li nkun il-leħen tagħhom fil-Kunsill u li kont se nkun għodda biex l-ilmenti tagħhom jaslu għand il-kunsill bla ħafna daqq ta’ trombi, ritratti u ċerimonji.

Kuntatt kontinwu man-nies
In-nies iridu jarawk fit-triq biex iwasslu l-bżonnijiet tagħom u jien hekk nagħmel. In-nies iridu li l-Kunsill ikun tagħhom ilkoll u ma jħossuhomx barranin u preġudikati b’xi mod meta jkollom bżonn is-servizzi u l-għajnuna mill-Kunsill.
Ħdimt fuqha u n-nies tapprezza u fl-aħħar elezzjoni l-eletturi ġġudikawni fuq dan u reġgħu eleġġewni għat-tieni darba.
Hekk se nkompli nagħmel biex kull Tarxiniż/a ikollu leħen fil-Kunsill.
Il-Kunsillier għandu jkollhu rispett lejn minn eliġġih u d-dover prinċipali għandu jkun li jservi.
Bħala leħen ir-resident, kunsillier qatt ma għandu jara l-interess personali tiegħu imma dejjem x’iridu nies li għoġobhom jagħtuhi l-fiduċja tagħhom. Kull kunsillier, hu ta’ liema partit hu, ma għandu jħares lejn wiċċ ħadd u jagħmel l-almu kollu tiegħu biex flimkien mal-kunsillieri l-oħra jiġbed ħabel wieħed biex iservi u jwassal il-messaġġ tar-residenti.
Dan huma d-dmirijiet prinċipali tal-Kunsillieri u jekk qatt jikkunsidraw li l-interess tagħhom jiġi qabel dak tar-residenti għandhom jagħżlu li jieqfu hemm u jagħtu spazju għal min jista’ jservi aktar lil-lokalità.
Fl-aħħar sena rajna ħafna episodji kif Kunsill ma għandux jitmexxa u jaħdem. Għandna Sindki li ma jsibux l-appoġġ mill-kunsillieri sħabhom anki mill-istess Partit għax l-interess personali hu dak li jkunu Sindku.
Kunsillieri oħra li bilkemm bdew il-ħidma jiddeċiedu li jitilqu għax iħossu li issa lill-Partit qdewh u b’hekk akkwistaw xi privileġġ li jinqdew mill-Gvern tagħhom.

Lealtà konsistenti lejn il-Partit
Hemm ukoll kunsillieri li jiddeċiedu li jaqilbu indipendenti u jħossu li għandhom xi dritt sagrosant li jiddettaw kif il-Kunsill għandu jahdem. Kif ukoll kunsillieri li għandhom minoranza fil-lokalità u jippretendu li jmexxu huma. Dan kollu għax jaraw l-interess personali u jiġu jaqgħu u jqumu mir-residenti li afdawlhom.
Dawn in-nies mhux posthom fil-Kunsilli Lokali. Kunsillieri, huma ta’ liema prinċipju huma, għandhom iwarrbu l-għamad minn quddiem għajnejhom u ma jeħdux deċiżjonijiet, mingħajr ma jiftakru li lkoll qegħdin hemm primarjament għax il-votanti eleġġewom.
Jekk ir-residenti jiġu minsija u xi kunsillieri jaħsbu li għandhom dritt jagħmlu li jridu se jgħarralhom.
Il-proċess fl-aħħar jirrepeti ruħu u n-nies terġa’ tiġġudika fl-elezzjoni. Jekk fil-mument jagħżlu t-triq li ma jiġux iġġudikati b’elezzjoni, xorta jiġu ġġudikati bil-ħsieb tan-nies u jibqgħu mfakkra fit-tajjeb u l-ħażin li jkun ġie mwettaq minnhom.

Dan l-artiklu deher f’Il-Mument tal-Ħadd 8 ta’ Ġunju, 2025.