Opinjoni

OPINJONI: L-edukazzjoni u ‘l-Istat tan-Nazzjon’

“Din il-konferenza wriet ċar li f’dinja li qed tiġi kontrollata mill-Intelliġenza Artifiċjali, li jkollna t-tfal li jafu jħaddmu l-għodod teknoloġiċi biss mhuwiex biżżejjed, iżda rridu nimmiraw li ngħallmuhom ikunu kritiċi, kreattivi u moralment infurmati”

mid-Deputat Nazzjonalista Justin Schembri
Shadow Minister
 għall-Edukazzjoni u s-Snajja’

L-istatistika preżentata

Il-Ġimgħa li għadda fil-Palazz Verdala saret il-ħames edizzjoni tal‑konferenza ‘L‑Istat tan‑Nazzjon’ taħt il-patroċinju tal-Eċċellenza Tagħha l-President Myriam Spiteri Debono.

Din l‑edizzjoni ffukat fuq l‑edukazzjoni fis-sens wiesa’ tagħha – minn childcare u kindergarten sal-edukazzjoni sekondarja, terzjarja u ħajja kemm professjonali li tinkludi wkoll l-importanza tal-lifelong learning u l-upskilling. Mingħajr dubju, matul konferenza ta’ jum, ħarġu diversi opinjonijiet diversi u ideat li jagħtuna ħafna fuq xiex naħsbu. Il-konferenza fetħet bis-sondaġġ tal-Professur Marmarà li ma jinkwadrax biss il-qasam edukattiv imma wkoll aspetti oħra li lkoll jaffettwaw l-edukazzjoni.

Marmarà introduċa r-riżultati ta’ sondaġġ li sar minn fost 1,064 persuna ta’ etajiet u sess differenti madwar Malta u Għawdex. Id-data turi li l-edukazzjoni l-aktar influwenti mhix dik formali, jiġifieri tal-iskejjel, iżda dik informali li tinfluwenza l-ħajja fil-familja. Fil-fatt, il-valuri tar-rispett jiġu mgħallma mid-dar, sostnew aktar minn 60%.

Ħareġ ċar ukoll li l-midja soċjali, il-politika u r-reliġjon – għandhom impatt inqas dirett, xi ħaġa li għandha tkun interessanti għad-diskors politiku. Marmarà bena l-punti tiegħu fuq il-fatt li l-midja soċjali u t-teknoloġiji ġodda fosthom l-introduzzjoni tal-AI bħal ChatGPT, qed ibiddlu s-sistema tal-formazzjoni tagħna: kif naħsbu, kif nikkollaboraw u kif nirrelataw ma’ xulxin u kif nitgħallmu. Għalhekk, dan qiegħed iħalli impatt fil-qasam edukattiv.

Il-President Spiteri Debono enfasizzat l‑importanza li dawn ir-riżultati jkunu mhux biss dokumentati imma mibdula f’azzjoni: “ir-riżultati tal‑istħarriġ … ikunu mixtarra u mistħarrġa fil‑fond, biex jixprunaw il‑bidliet li jinħass il‑bżonn tagħhom”.

Qalet ukoll li l-edukazzjoni għandha tieħu post prominenti f’pajjiż fejn kull ċittadin – b’mod inklużiv u ta’ kwalunkwe età – jista’ jibni ħiliet kreattivi u analitiċi. Dawn huma argumenti li rridu verament inqisu bis-serjetà. Meta nitkellmu dwar it-teknoloġija u l-użu tagħha fl-iskejjel, ma rridux biss inħarsu lejn l-użu tal-għodod eżistenti, imma rridu ngħallmu lit-tfal tagħna jibnu relazzjoni mal-użu teknoloġiku biex jinstab bilanċ bejn il-kreattività umana u l-użu teknoloġiku.

L-isfidi tat-teknoloġija

Din hija sfida kbira, għaliex f’dinja fejn it-tfal qed jitilgħu jsibu kollox lest għaliex l-Intelliġenza Artifiċjali taħseb għalihom u minflokhom, irridu ngħallmuhom jaħsbu, jikkritikaw l-informazzjoni u janalizzawha minkejja kollox. Is-socjetà Maltija għaddejja minn trasformazzjoni fundamentali ta’ globalizzazzjoni, ta’ komunikazzjoni immedjata, u ta’ influwenza qawwija minħabba l-midja soċjali u l-avvanzi teknoloġiċi. Dan irid ikun rifless fil-mod ta’ kif nirreaġixxu, u rridu nkunu prattiċi u reali.

Għalhekk fl-intervent tiegħi fil-konferenza, enfasizzajt l-importanza li rridu nsaħħu l-edukazzjoni bikrija u preventiva billi ntejbu l-operat fiċ-childcares u fil-kindergartens, għaliex nafu mill-istudji li t-tfal jiżviluppaw ħiliet importanti u fundamentali fl-ewwel ftit snin, proprju sakemm ikollhom tliet snin. Dan isejjaħ għal azzjoni immedjata, u ma nistgħux nibqgħu nipposponu l-edukazzjoni imma rridu naġixxu u nintervjenu aħna qabel ma nħallu t-teknoloġija tirbaħhom. Din mhix sfida faċli, imma rridu nindirizzawha anke permezz tal-ġenituri li għandhom rwol importanti ħafna hawnhekk.

Kif kien mistenni, il-konferenza ffukat fuq diskussjonijiet dwar il-pjattaformi intelliġenti bħal ChatGPT u l-mod kif dawn jistgħu jissimplifikaw it-tagħlim, għaliex mhux biss huma ġodda u effiċjenti iżda huma wkoll attraenti. Imma, bħalma qiegħed ngħid, dawn jimplikaw ukoll sfidi morali diversi.

Mill-konferenza joħroġ ċar li għalkemm l-edukazzjoni formali hija essenzjali, il-ħiliet analitiċi, tal-ħsieb kritiku u tal-interazzjoni mal-oħrajn għandhom jiġu żviluppati fil-livelli kollha: fil-kinder, fil-primarja, fis-sekondarja u anke fil-livell terzjarju u mbagħad fil-forom l-oħrajn kollha li jimpattaw it-tagħlim tul il-ħajja.

Din il-konferenza wriet ċar li f’dinja li qed tiġi kontrollata mill-Intelliġenza Artifiċjali, li jkollna t-tfal li jafu jħaddmu l-għodod teknoloġiċi biss mhuwiex biżżejjed, iżda rridu nimmiraw li ngħallmuhom ikunu kritiċi, kreattivi u moralment infurmati. L-edukazzjoni trid tkun bilanċ bejn il-ħiliet funzjonali u dawk teknoloġiċi.

Is-soċjetà tistenna ħafna mill-edukazzjoni u mill-għalliema u l-edukaturi anke fi żmien meta qegħdin naraw il-bidliet teknoloġiċi li mhux dejjem nistgħu nlaħħqu magħhom.

Il-klassijiet tas-CCP waqt l-eżamijiet

Meta l-Gvern iddeċieda li jneħħi l-eżamijiet tas-CCP (Core Competence Classes) għat-tfal tal-iskejjel medji u sekondarji, ma fehemx biżżejjed ir-riperkussjonijiet ta’ dawn id-deċiżjonijiet.

B’hekk, illum għandna sitwazzjoni fejn it-tfal li ma jagħmlux l-eżamijiet (f’dawn il-ġimagħtejn li ġejjin), intalbu ma jattendux l-iskola u jibqgħu d-dar għaliex is-sena skolastika għall-klassijiet tas-CCP intemmet il-ġimgħa li għaddiet.

Għalhekk qed ikunu diskussi diversi possibbiltajiet dwar x’għandu jsir f’dawn il-każijiet. Li tinqata’ linja favur jew kontra ċertament mhix is-soluzzjoni. Din hija ħtieġa li trid tkun riżolta, għaliex id-dinamika qiegħda tinbidel, u rridu niddiskutu x’soluzzjonijiet prattiċi, loġistiċi u inklussivi għandhom jinstabu. 

Huwa l-Gvern u l-Ministeru tal-Edukazzjoni li għandu s-setgħa jinnegozja u jbiddel u għalhekk ma għandu jipponta sebgħu lejn ħadd. Kienet tiegħu d-deċiżjoni li jitneħħew il-karti tal-eżamijiet addattati, kienet tiegħu s-setgħa fin-negozjati u kienet tiegħu d-deċiżjoni li dawn it-tfal ma jmorrux l-iskola waqt l-eżamijiet, għal raġuni jew oħra li għalihom għandi argumenti favur u kontra.

Hix kwistjoni ta’ loġistika jew hix kwistjoni ta’ qbil mal-Union jew hi x’inhi, il-Ministeru ilu jaf bl-esiġenzi ġodda u ma laqax għalihom bil-quddiem jew ma sabx soluzzjoni prattika. Ma jistax jirreaġixxi dejjem wara li tkun inqalgħet kriżi u jilgħabha bħallikieku mhix problema tiegħu.

Għandna bżonn mudell ġdid, li fih jinstabu s-soluzzjonijiet, fil-mument opportun u meta ma jkunx tard wisq.

Dan l-artiklu deher f’In-Nazzjon tal-Erbgħa 11 ta’ Ġunju, 2025.