Lokali Qorti

Pensjonant mixli li sawwat lil bintu jingħata l-pleġġ u ċ-ċans li jagħmel rapport kontra tagħha

Raġel ta’ 65 sena, li huwa pensjonant, li ġie akkużat li sawwat lil bintu, ingħata l-ħelsien mill-arrest wara li l-Qorti ppermettietlu wkoll jagħmel rapport lill-Pulizija kontra l-istess bint tiegħu, wara li sostna li kienet hija li attakkat lilu.

Il-każ tfaċċa wara li l-Ispettur Christian Cauchi spjega fil-Qorti li bintu adulta kienet ressqet rapport lill-Pulizija nhar it-Tlieta waranofsinhar, fejn allegat li missierha qabadha minn xagħarha, waddabha mal-art u beda jagħtiha daqqiet wara argument li qam minħabba xi borom taż-żibel li kienu tqiegħdu quddiem il-garaxx tiegħu.

Id-difiża qalet li l-bintu kienet marret għand missierha bil-ħsieb li tattakkah. F’dan il-ħin, il-missier kien qed jagħmel xi xogħol ta’ manutenzjoni fil-garaxx meta seħħ l-argument. Huwa ġie arrestat qabel irnexxielu jressaq rapport tiegħu stess għand il-Pulizija.

Il-prosekuzzjoni oġġezzjonat għall-ħelsien mill-arrest, billi qalet li kien hemm riskju li l-akkużat jersaq lejn bintu u jerġa’ jattakkaha. “Il-Qorti għandha tibgħat messaġġ qawwi f’każijiet ta’ vjolenza domestika,” sostniet il-prosekuzzjoni.

F’dan l-istadju, id-difiża ressqet filmat minn kameras tas-sigurtà li juri kif il-mara kienet marret għand missierha flimkien ma’ persuni oħra bl-intenzjoni li tfittex ġlieda. Il-filmati kienu juru tliet figuri fuq taraġ quddiem dar, filwaqt li kien qed jinstema’ l-għajjat.

Il-prosekuzzjoni rrimarkat li d-data tal-filmat ma kinitx ċara, u li l-immaġini kienu wisq imċajpra biex tkun tista’ tiġi identifikata l-bint.

Il-Maġistrat Monica Vella, minkejja l-oġġezzjoni tal-prosekuzzjoni, iddeċidiet li tagħti l-ħelsien mill-arrest lill-akkużat, bil-kundizzjoni li jinħareġ ordni ta’ protezzjoni favur il-bint. Il-Qorti qalet li dan jagħti l-opportunità lill-akkużat sabiex jagħmel ir-rapport tiegħu stess lill-Pulizija kontra bintu.

Barra minn hekk, il-Qorti ordnat li l-filmati ppreżentati jiġu vverifikati.

Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispetturi Christian Cauchi u Colin Sheldon, filwaqt li l-akkużat kien assistit mill-avukat Anita Giordimaina.