Quddiem il-Maġistrat Kevan Azzopardi, Aleksandar Filipovic ta’ 41 sena, residenti San Pawl il-Baħar, ġie mixli b’diversi akkużi relatati ma’ serq minn vetturi u riċevuta ta’ oġġetti misruqa. Fuq ammissjoni huwa ngħata sentenza sospiża.
L-akkużi kienu relatati ma’ diversi episodji li seħħew fi żmien differenti iżda li jikkostitwixxu ksur tal-istess dispożizzjoni tal-liġi. Filipovic ġie akkużat li għen, b’xi mod jew ieħor, persuni oħra sabiex iwettqu serq ta’ flus u oġġetti minn vetturi, serq aggravat minħabba n-natura tal-affarijiet misruqa u l-ammont, li ma jaqbiżx is-somma ta’ €2,329.37.
L-ewwel każ seħħ fit-13 ta’ Ottubru 2023 bejn il-11am u s-2pm, fi Triq il-Merluzz, f’San Pawl il-Baħar. It-tieni każ imbagħad seħħ fit-18 ta’ Ottubru 2023 bejn it-8am u l-11am fi Triq Efesu, f’San Pawl il-Baħar.
Barra minn hekk, Filipovic ġie akkużat li bejn it-18 ta’ Ottubru u t-2 ta’ Novembru 2023, minn apparrament fi Triq ta’ Nawciera, f’San Pawl il-Baħar, b’mod konxju rċieva jew xtara oġġetti li kienu misruqa jew miksuba b’mezzi illegali.
Waqt il-proċeduri, kemm il-prosekuzzjoni kif ukoll id-difiża qablu li l-akkużat ma kellux jingħata piena ta’ ħabs effettiva. Il-Qorti qieset iċ-ċirkostanzi personali tal-imputat, il-kondotta nadifa tiegħu mal-Pulizija u l-età tiegħu.
Wara li Aleksandar Filipovic ammetta l-akkużi kollha miġjuba kontrih, il-Qorti kkundannatu għal sentejn ħabs. Madankollu, skont l-Artikolu 28A tal-Kodiċi Kriminali, il-Qorti ordnat li din il-piena tiġi sospiża għal perjodu ta’ erba’ snin. Dan ifisser li l-piena ma tidħolx fis-seħħ sakemm l-imputat ma jikkommettix reat ieħor li jġib miegħu piena ta’ ħabs matul dawn l-erba’ snin.
//= $special ?>