Il-poplu ta’ Los Angeles għaddej mill-ħames jum konsekuttiv ta’ inkwiet u tensjoni fost il-protesti popolari kontra r-rejds li qed isiru fuq l-immigranti. Azzjonijiet li qed jinsisti bihom il-President Amerikan Donald Trump u li fihom komplew jispikkaw l-għexieren tal-arresti.
Sadanittant, is-Sindku ta’ Los Angeles, Karen Bass, iddikjarat curfew f’zona partikulari ta’ distrett lejn in-naħa t’isfel ta’ Los Angeles u bir-riżultat li l-inħawi spiċċaw inaċċessibbli għall-pubbliku.
Bass qalet li dan kellu jsir minħabba li gruppi ta’ delinkwenti kienu qed japprofittaw mis-sitwazzjoni biex jivvandalizzaw il-proprjetà u jisirqu mill-istabbilimenti.
Fil-preżent, it-truppi tal-Gwardja Nazzjonali qed jipproteġu lill-aġenti għall-kontroll tal-fruntieri waqt li għaddejjin bl-infurzar tad-direttivi ta’ Trump. Dan fost ir-rabja sostanzjali tar-residenti ta’ Los Angeles li mhumiex jaċċettaw ir-rwol tat-truppi f’sitwazzjoni li kapaċi tkun ikkontrollata ‘biss’ mill-Pulizija tal-LAPD.
Min-naħa tiegħu, il-President Trump ħalef biex jillibera l-belt ta’ Los Angeles minn hekk imsejħa elementi kriminali – iżda l-Gvernatur ta’ Kalifornja, Gavin Newsom, qed jakkuża lil Trump dwar ‘attakk fuq id-demokrazija’.
Donald Trump qed jisħaq li deċieda biex joħroġ madwar 4,000 membru tal-Gwardja Nazzjonali u tal-anqas 700 morini tal-armata ‘għaliex irid jagħmel minn kollox biex jevita sitwazzjoni fejn il-belt ta’ Los Angeles tispiċċa kontrollata mill-għedewwa barranin’.
Madankollu, it-truppi m’għandhomx l-awtorità biex iwettqu l-arresti u meta huma, bħalissa, qegħdin jgħassu l-bini u l-istaff federali fl-inħawi ta’ Los Angeles.
Sadanittant, Gavin Newsom – li, ‘il quddiem, kapaċi jkun il-kandidat tal-Partit Demokratiku li jisfida għall-Presidenza tal-Istati Uniti – wissa lill-awtoritajiet u r-residenti fi Stati Amerikani oħrajn li jistgħu dalwaqt ikunu wkoll suġġetti ‘għal dak li għaddejjin minnu bħalissa r-residenti ta’ Los Angeles’.
Fl-istess ħin, Newsom kompla jikkundanna lill-President talli qed jagħżel il-politika tal-forza li sservi biss biex teskala l-kriżi.
Matul illejl tat-Tlieta, diversi gruppi ta’ dimostranti kienu qed jokkupaw iz-zoni lejn in-naħa t’isfel ta’ Los Angeles – bil-pulizija, imbagħad, tidħol fl-inħawi fost l-isparar tal-balal tal-gomma bl-iskop li tferrex lin-nies preżenti.
Ir-rapporti qalu li fl-aħħar sigħat spiċċaw arrestati aktar minn 200 dimostrant li żdiedu mal-għexieren oħra tad-dimostranti li ilhom jinġabru mill-pulizija min-nhar il-Ġimgħa.
Protesti simili fi bliet oħrajn
Fl-aħħar sigħat żbruffaw ukoll il-protesti kaotiċi fi bliet oħrajn tal-Istati Uniti.
Fil-belt ta’ Atlanta (fl-Istat ta’ Georgia) il-pulizija għal kontra l-irvellijiet sparaw il-gass tad-dmugħ lejn dimostranti li waddbulhom il-logħob tan-nar fl-eqqel ta’ dimostrazzjoni li fiha ħadu sehem il-mijiet tan-nies.
Il-Pulizija fi New York, intant, arrestaw l-għexieren tan-nies li mblukkaw it-traffiku waqt marċ ‘għall-massa’ fin-naħa t’isfel ta’ Manhattan.
Intant, il-Gvernatur ta’ Texas, Greg Abbott, bagħat it-truppi tal-Gwardja Nazzjonali f’San Antonio fejn id-dimostranti kienu qed jippreparaw ir-rallies għal kontra l-politika tal-immigrazzjoni li hi diretta lejn il-persuni mingħajr dokumentazzjoni valida għal residenza fl-Istati Uniti.
Hu minnu wkoll li l-ħajja mxiet b’mod normali f’ħafna bnadi ta’ Los Angeles fejn għexieren tal-eluf tat-tfal marru l-iskola bħas-soltu. Dan waqt li t-toroq baqgħu ffullati bit-traffiku u bl-inħawi ta’ Hollywood Boulevard jibqgħu mimlijin bit-turisti.
Iżda minkejja dan, is-Sindku Bass qalet li l-uffiċjali tal-Aġenzija Federali għall-Infurzar tal-liġijiet tal-Immigrazzjoni u r-regoli Doganali provokaw l-inkwiet fis-setturi speċifiċi ta’ Los Angeles permezz tar-rejds indiskriminattivi fuq il-kwartieri għar-residenti Latini – kwartieri mimlijin bil-familji mill-Messiku, Puerto Ricro, l-Ekwador u El Salvador.
Is-Sindku ta’ Los Angeles, intant, appellat lill-President Trump biex iwaqqaf dawn ir-rejds fost l-ispekulazzjoni li l-azzjonijiet kontra persuni indikati bħala immiganti illegali għandhom ikomplu, fl-Istati Uniti sa, almenu, l-aħħar tax-xahar.
Madankollu, Donald Trump mhu qed juri l-ebda dispożizzjoni biex jirtira d-direttivi.
U waqt diskors li l-President għamel lit-truppi ta’ Fort Bragg, fl-Istat ta’ Kalifornja, hu fisser il-protesti bħala ‘assalt totali fuq il-paċi u l-ordni pubblika’. Dan fost ‘il-wiegħda solenni li hu (bħala President) għandu juża l-assi kollha tal-Gvern federali biex irażżan il-vjolenza’.
//= $special ?>