Lokali

“Tgħaddi d-dettalji lill-Gvern, u ħadd ma jkellmek lura”

Waqt li l-Ministri tal-Gvern għaddejin b’dagħdigħa ta’ attakki kontra l-Partit Nazzjonalista u żdiedet id-doża ta’ partiġjaniżmu sfrenat fuq il-midja Laburista, numru ta’ partitarji jinsabu serjament inkwetati dwar l-istat li spiċċa fih il-Gvern. Fejn ma jonqsux l-akkużi kontra Robert Abela u sħabu, li qed jibqgħu jinsew lin-nies.

Wieħed minn dawn il-kummenti kien indirizzat lill-Ministru Byron Camilleri, fejn wieħed mis-segwaċi tiegħu qallu: “In-nies irridu nieħdu ħsiebhom”.

Dan l-istess raġel tefa’ dawl fuq il-fatt li meta tilmenta mal-Gvern, ħadd ma jkellmek. Oħrajn qed jgħidu li Abela qed jimbotta biss lill-istess Ministri – bħal Jonathan Attard u Miriam Dalli – filwaqt li oħrajn rari jiġu mistiedna fuq is-Super One.

Interessanti wkoll dak li kiteb fl-aħħar sigħat id-deputat Laburista Edward Zammit Lewis, fejn wissa’ lil Robert Abela biex ma jsejjaħx elezzjoni bikrija.

“L-elettorat jistenna mill-Gvern li jwettaq il-patt li għamel miegħu tul il-ħames snin kollha u għal ħames snin”, stqarr Zammit Lewis fuq il-midja soċjali.