Futbol Sport

Bidliet fit-tmexxija Presidenzjali ta’ Naxxar Lions u Żabbar St Patrick

Adrian Fenech ta' Naxxar Lions se jkun l-iżgħar President fil-Malta Premier fl-istaġun 2025/26
Adrian Fenech ta' Naxxar Lions se jkun l-iżgħar President fil-Malta Premier fl-istaġun 2025/26

Wara staġun iebes u mimli inċertezzi sforz l-inkonsistenza fir-riżultati miksuba tul il-Malta Premier li għadu kemm intemm, Naxxar Lions ħabbru li se jibdew kapitlu ġdid fit-tmexxija amministrattiva tal-klabb.

Angelo Pullicino, li f’dawn l-aħħar ħames snin kien hu li mexxa l-Presidenza ta’ Naxxar Lions, ħa d-deċiżjoni li ma jibqax fil-kariga. Matul iż-żmien tiegħu fit-tmexxija, Pullicino, apparti li għen lill-klabb jiksbu promozzjoni għall-ogħla diviżjoni tal-futbol Malti, f’dawn l-aħħar sentejn irnexxilu jżomm it-tim, bl-għajnuna ta’ sħabu, fl-ogħla diviżjoni tal-futbol Malti.

Pullicino hu meqjus bħala persuna ħabbrieka għall-aħħar iżda li dejjem żamm profil baxx fil-midja. Is-suċċessur ta’ Pullicino se jkun Adrian Fenech li għad għandu 35 sena. Bil-ħatra ta’ Fenech fir-rwol ta’ President ta’ wieħed mit-tnax-il klabb tal-Malta Premier, Naxxar Lions se jkollhom l-iżgħar President fl-etá fit-tmexxija ta’ klabb. Fenech mhuwiex wiċċ ġdid għall-futbol Malti, u llum il-ġurnata jaħdem bħala imprenditur, fejn parti kbira minn xogħlu hija fil-kostruzzjoni.

Imprenditur mill-Afrika t’Isfel iżda b’passaport Malti hu l-President il-ġdid ta’ Żabbar St Patrick

Sat-tmiem tal-istaġun 2024/25, l-iżgħar President fil-Malta Premier kien Fabio Muscat ta’ Żabbar St Patrick. Muscat għadu se jagħlaq 30 sena, u fil-kumitat il-ġdid Żabbari għall-istaġun 2025/26, Muscat, li hu Kap Eżekuttiv ta’ kumpanija lokali li hi mifruxa f’oqsma differenti, se jkompli jifforma parti mit-tmexxija tal-klabb fir-rwol ta’ Viċi President.

Fil-jiem li għaddew, Żabbar St Patrick ħabbru l-isem ta’ Ryan Edward Otto, li akkwista ċ-ċittadinanza Maltija permezz tal-iskema li kien nieda l-Gvern tal-Passaporti, fejn ċittadini li normalment mhumiex Ewropej, ikollhom iċ-ċans li jixtru l-Passaport Malti. Otto hu mill-Afrika t’Isfel u għandu 45 sena, għalhekk jista’ jitqis bħala wieħed mil-iżgħar Presidenti li preżentament għadna fil-Malta Premier.

Ryan Edward Otto hu l-President il-ġdid ta’ Żabbar St Patrick

Otto hu meqjus bħala imprenditur ta’ esperjenza kbira mhux biss f’Malta, iżda anke lil hinn, b’Baċellerat fil-Kummerċ fil-Kontabbiltà. Filwaqt li preżentament hu jokupa diversi karigi ta’ Direttorati f’kumpanji kummerċjali differenti, fost l-oħrajn Otto hu sieħeb fin-negozju mal-Eks President tal-klabb Żabbari, u llum President Onorarju tal-klabb Żabbari, l-avukat Kevin Deguara.

Skont informazzjoni pubblika, Otto u Deguara huma tnejn mill-azzjonisti tal-proġett Shoreline Investment li jinsab fil-Kalkara, b’Otto hu saħansitra l-akbar azzjonist f’dan il-proġett kummerċjali. Shorline huma l-isponsor prinċipali fuq il-flokk ta’ Żabbar St Patrick.