Lokali Qorti

Carer mixli li seraq iktar minn €8,000 ta’ anzjan li kien jieħu ħsieb

Carer Filippin ta’ 38 sena, bla residenza fissa, inżamm arrestat wara li ġie mixli li seraq madwar €8,300 mill-kont ta’ anzjan ta’ 85 sena li huwa kien jieħu ħsieb. Homer Jr. Aguilana Minguito wieġeb mhux ħati li bejn Mejju li għadda u dan ix-xahar huwa wettaq din is-serqa meta ġibed bil-card ta’ Bank of Valletta mill-kont tal-anzjan.

L-allegat vittma rrapporta li kien sab iktar minn €8,000 nieqsa mill-kont tiegħu f’Mejju u minn hemm skattat l-investigazzjoni minn naħa tal-Pulizija. L-akkużat spiċċa fuq il-‘watch list’ tal-Pulizija fejn dawn skoprew li l-Filippin kien se jħalli Malta nhar l-Erbgħa li għaddew.

Iktar investigazzjonijiet wasslu biex il-Pulizija tiskopri messaġġ fuq WhatsApp indirizzat lejn persuna oħra li kien jgħid – “issa le nasal il-Filippini mhu se jagħmluli xejn.” Minguito kellu t-titjira diġà mħallsa lejn it-Turkija, u minn hemm jibqa’ sejjer lejn il-Filippini.

Huwa ġie mixli b’serq aggravat, li uża ismijiet foloz biex jasal biex iwettaq reat, u li wettaq reat fil-konfront tal-Bank of Valletta.

L-Avukat tal-Għajnuna Silvan Pulis li deher għall-akkużat informa lill-Maġistrat Donatella Frendo Dimech li f’dan l-istadju ma kienx se jitlob għall-ħelsien mill-arrest.

Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Avukat Miryea Mifsud mill-uffiċċju tal-Avukat Ġenerali flimkien mal-Ispettur Gabriel Kitcher.