Lokali Qorti

DJ illiberat minn stupru fl-Appell wara li kien kundannat sitt snin ħabs mill-ewwel Qorti

Henry Alonso Cano Rojas, Kolubjan ta’ 33 sena, residenti Paceville li jaħdem bħala DJ ġie lliberat mill-Qorti tal-Appell Kriminali wara li kien ikkundannat sitt snin ħabs mill-Qorti tal-Maġistrati. F’Ġunju ta’ sena ilu huwa kien instab ħati li stupra tfajla Olandiża fl-appartament fejn jgħix.

Madankollu l-Qorti tal-Appell preseduta mill-Imħallef Consuelo Scerri Herrera qalet li dan ma kienx il-każ bil-koppja verament kellhom x’jaqsmu sesswalment. Irriżulta mill-provi li l-għada li seħħ l-allegat stupru minkejja li hi qalet lill-Pulizija ma tridx tersaq fejn ikun il-Kolumbjan, l-għada stess reġgħet marret fil-post fejn kien jaħdem. Ħareġ ukoll li dan seħħ għal iktar drabi.

Il-Qorti tal-Appell qalet li kien hemm inkonsistenzi minn naħa tat-tfajla u f’xi mumenti anke l-akkużat ma kienx ħafna kredibbli fix-xhieda tiegħu. Xhud f’dawn il-proċeduri qalet fil-Qorti li wara li seħħ l-allegat stupru t-tfajla Olandiża li kellha 19-il sena, kienet reġgħet marret madwar sitt darbiet fil-club fejn idoqq il-Kolumbjan.

Huwa kien qed jiġi mixli li stupra lit-tfajla fil-lejl ta’ bejn id-9 u l-10 ta’ Ottubru 2021. It-tfajla ġiet Malta biex tistudja l-Ingliż u ltaqgħet mad-DJ fl-istabbiliment fejn kien qed idoqq. Wara li spiċċa mix-xogħol bħala DJ huma marru fl-appartament u fil-11 ta’ Ottubru t-tfajla marret l-għassa tal-Pulizija ma’ missierha fejn irrappurtat li ġiet stuprata.

Waqt l-interrogazzjoni tal-Pulizija l-imputat ċaħad li stupraha u għalkemm qal li kellhom x’jaqsmu sesswalment insista li dan sar bil-kunsens tagħha. Fil-Qorti t-tfajla xehdet li huma ltaqgħu fl-istabbiliment fejn idoqq u wara li ħarġu qabadha minn idejha u ħadha fl-appartament anke jekk ma riditx.

Hija sostniet li meta kienu fl-appartament beda jbusha mingħajr ma riedet u għalkemm imbuttatu beda jmissha b’mod indiċenti. Hi qalet li hu kien neża’ ħwejġu u neżża’ tagħha u stupraha mbagħad telqet ‘il barra fejn iltaqgħet ma’ xi ħbieb u marret torqod għand ħabiba tagħha.

It-tfajla żiedet li l-għada r-raġel bagħtilha messaġġ fejn skuża ruħu għal dak li għamel u qalilha li kien xurban u ma kienx jaf x’qed jagħmel. Hija żiedet li meta sema’ x’ġara missierha ġie mill-Olanda u flimkien marru għamlu rapport l-għassa.

L-akkużat baqa’ jinsisti li s-sess bejniethom sar b’kunsens u ċaħad li stupraha. Bil-maqlub tal-Ewwel Qorti wara li semgħet iż-żewġ verżjonijiet, l-Imħallef Scerri Herrera qalet li ma tistax tikkundanna lil xi ħadd meta mhemmx prova. It-tfajla qalet li hi kienet għenet lid-DJ itella’ l-apparat tad-daqq fl-appartament tiegħu wara li kien spiċċa mix-xogħol. It-tfajla qalet li dan hi għamlitu bil-kunsens tagħha.

L-akkużat dejjem qal li r-rapport sesswali sar bil-kunsens tat-tnejn. It-tfajla iżda qalet mod ieħor. Hi kienet qattgħet il-lejla tiżfen u tixrob ma’ sħabha fil-club fejn kienu jmorru kuljum waqt iż-żjara tagħhom f’Malta. Hija kienet avviċinat lid-DJ, talbitu biex idoqq xi kanzunetti u żifnet ma’ ħabiba tagħha qrib qrib fejn kien id-DJ. F’mumenti anke żifnet miegħu.

Fil-ħin tal-għeluq tal-club, iż-żagħżagħ damu ġewwa għal ftit, jistennew il-folla ta’ clubbers toħroġ mill-bini. Imbagħad, hekk kif iż-żagħżugħa u sħabha ħarġu barra, id-DJ qabadilha idejha u qalilha biex tmur miegħu.

“Ma rridx niġi miegħek. Ikolli noqgħod mal-ħbieb tiegħi. Ma nistax niġi,” kienet qaltlu l-vittma. Iżda l-akkużat insista. Momentarjament ħallieha tmur waqt li għamlet sinjal lil ħabiba tagħha, Olandiża – li kellha bżonn l-għajnuna.

Hi ntervjeniet u mmanuvrat lill-vittma ‘l bogħod mir-raġel peress li l-attitudni tiegħu beda jdejjaqha. Madankollu, peress li l-ħbieb tagħha kienu fil-madwar, ħassitha sigura. Hekk kif il-ħabiba tagħha telqet minn maġenbha biex tixtri pizza, ir-raġel qabadilha idejha u ġibidha lejn blokka ta’ appartamenti fil-qrib.

Huwa talabha tgħinu biex iġorr il-basket tiegħu li kien fih tagħmir mużikali ‘l fuq u hi aċċettat. Huwa qalilha biex tpoġġi l-pouch tiegħu ġewwa l-kamra tas-sodda u għalkemm ma ħaditx pjaċir, hija daħlet ġewwa.

Dak kien meta għalaq il-bieb u qalilha biex tagħti ħarsa lejn il-veduta mill-gallarija tas-sodda tiegħu. “Ok, vera sabiħ, imma tassew għandi bżonn nitlaq issa,” qalet il-vittma. Hekk kif daret biex titlaq, hu beda jbusha u mbottaha fuq is-sodda, skont t-tfajla.

L-isforzi kollha tagħha biex twaqqaf l-avvanzi mhux mixtieqa tiegħu kienu għalxejn. Maqbuda mill-paniku, hija ffriżat. Hi sempliċement ma kinitx taf x’għandha tagħmel aktar. Urnexxielha tinħeles u fejn l-att sesswali waqaf ħesrem meta l-mobile fil-pouch tagħha, daqq. Kienet waħda mill-ħbieb tagħha li ċċempel biex tiċċekkjaha.

Dwar dan il-mument il-Qorti qalet li kieku seħħ stupru minn naħa, hu ma kienx jieqaf mill-att sesswali meta daqq il-mobile. Qalet ukoll li t-tfajla kienet waħda ta’ ċertu statura, kienet itwal mill-akkużat u li kieku riedet twaqqfu, setgħet b’xi mod turi xi reżistenza.

Meta ġiet biex tagħti s-sentenza l-Qorti tal-Appell qalet li l-Ewwel Qorti aktar tagħat piż ta’ dak li qalu l-ħbieb tat-tfajla milli l-ħbieb tal-akkużat. L-Imħallef Consuelo Scerri Herrera qalet li kif meta reġgħet semgħet il-provi sabet numru ta’ inkonsistenzi dwar dak li ġara kemm min-naħa tal-akkużat kif ukoll tal-allegat vittma.

Qalet li fil-kamp penali kwalunkwe dubju jmur favur l-akkużat waqt li nnutat ukoll li fl-inħawi appartament fejn kien jgħix l-akkużat ikun hemm numru ta’ Pulizija, u li jekk riedet tiġbed l-attenzjoni setgħet tagħmel dan b’mod b’liberu. Punt ieħor kien li t-tobba ma sabu l-ebda tbenġil viċin il-partijiet intimi tat-tfajla.

L-Imħallef Scerri Herrera qalet li dan kollu jwassal għal dubji dwar jekk verament seħħx l-istupru u għalhekk illiberat lil Rojas li fl-istadju tal-appell kellu jiddefenduh lill-Avukati Roberto Montalto u Jacob Magri.