Lokali

FAKE NEWS: Is-Super One jkompli jinżel aktar fil-baxx

Fake news oħra mis-Super One – bil-kredibilità tal-midja Laburist tkompli tisfuma fix-xejn.

Dan hekk kif l-istazzjon ta’ Robert Abela, għal darb’oħra, infexxet f’gideb sfrenat fil-konfront tal-Partit Nazzjonalista. Tant li spiċċa xandar storja ivvintata dwar il-laqgħa tal-Eżekuttiv.

Fir-rapport li xandar, is-Super One allega li f’din l-istess laqgħa allegatament kien hemm ġlied kbir – tant li anke żeffnu fin-nofs persuni bħal Adrian Delia, Karol Aquilina u Jason Azzopardi. Nies li lanqas biss kienu preżenti għal din il-laqgħa – bil-kontenut tal-artiklu jkun kompletament ivvintat mill-bidu sal-aħħar.

Interessanti l-fatt li l-midja Laburista kienet ilha minn filgħodu barra d-Dar Ċentrali – u sa filgħaxija baqgħu hemm, isegwu lill-membri tal-Eżekuttiv deħlin.

Wara din il-laqgħa, id-Deputat Graham Bencini, kien pront jikxef din il-fake news minn naħa tal-Partit Laburista.

U tas-Super One tant spiċċaw imbarazzati li lanqas biss lissnu kelma jew saqsew domandi lil Bernard Grech.

Intant fuq il-midja soċjali, kienu bosta dawk li kkummentaw fil-konfront ta’ dan il-gideb ripetut minn naħa tal-midja ta’ Robert Abela, bil-maġġoranza jinsistu kif il-Labour u s-Super One ma jifilħux jaqgħu aktar fil-baxx u m’għandhomx limitu fejn jidħol il-gideb.