Kummerċ Lokali

Il-BOV jappoġġja r-restawr ta’ teżori f’Ħaż-Żabbar

Inawgurazzjoni tas-sotto kwardi fis-Santwarju tal-Madonna tal-Grazzja

Tliet pitturi reliġjużi imprezzabbli – magħrufa bħala sotto kuadri – mis-Santwarju tal-Knisja tal-Madonna tal-Grazzja f’Ħaż-Żabbar ġew restawrati bl-appoġġ tal-Bank of Valletta. Il-pitturi, li tnejn minnhom huma tal-artist magħruf Taljan tas-seklu 20, Giovanni Battista Conti, ġew inawgurati uffiċjalment waqt ċerimonja li saret is-Sibt 31 ta’ Mejju 2025.

Ir-restawr huwa parti mill-impenn kontinwu tal-Bank biex jippreserva l-wirt kulturali u reliġjuż rikk ta’ Malta. “Fil-Bank of Valletta, nemmnu li għandna nagħtu lura lill-komunitajiet tagħna u nissalvagwardjaw it-teżori artistiċi u kulturali li jiddefinixxuna bħala nazzjon,” qal Ernest Agius, iċ-Chief Operations Officer tal-Bank. “Il-pitturi – il-Qalb Mqaddsa ta Ġesù, San Pawl, u s-Sacro Cuore – għandhom sinifikat spiritwali u storiku profond għan-nies ta’ Ħaż-Żabbar, u aħna kburin li nagħmlu parti minn dan il-proġett importanti.”

Il-Qalb Imqaddsa ta’ Ġesù, tinsab fl-artal tal-Madonna tar-Rużarju, ġiet impittra fl-1949 minn Conti. Dan ix-xogħol vibranti jissimbolizza l-imħabba divina, b’Ġesù muri b’dirgħajh miftuħa u l-Port il-kbir fl-isfond – referenza lejn l-għeruq tal-komunita’.

San Pawl, li jinsab eżatt taħt il-kwadru titulari tal-Madonna tal-Grazzja, jirrifletti d-devozzjoni storika taż-Żabbarin lejn dan il-qaddis. Għalkemm l-artist għadu mhux magħruf, huwa maħsub li s-sotto kwadru jmur lura għall-bidu tas-seklu 20 u għandu post ta’ unur fi ħdan is-Santwarju.

Is-Sacro Cuore, kapolavur ieħor ta’ Conti li sar fl-1949, juri lill-Verġni Marija bit-tifel Ġesù. It-tnejn li huma jidhru nkurunati u mdawrin bis- sħab.

Dawn il-pitturi biż-żejt fuq it-tila ġew restawrati b’mod metikoluż mit-tim dedikat ta’ konservaturi tal-ASC Conservation Centre Ltd, taħt id-direzzjoni tal-konservatriċi ewlenija u fundatriċi Amy Sciberras, professjonista dedikata b’apprezzament profond għall-arti sagra. “Dan ir-restawr ma kienx biss dwar li nagħtu ħajja ġdida lil żebgħa antika – kien ukoll dwar il-preservazzjoni tal-istejjer, il-fidi, u l-identità ’,” qalet Amy Sciberras. “Ix-xogħlijiet ta’ Conti, b ’mod partikolari, imissu lil dak li jkun. Il-mod kif jirnexxielu jagħti l-ħajja lil kull kull figura, u jaqbad l-essenza spiritwali tagħhom tiżboq kull sens ta’ żmien.”

Dun Roderick Camilleri, il-Kappillan tas-Santwarju qal, “Aħna tassew grati lejn il-Bank of Valletta għall-appoġġ kontinwu tagħhom u lejn dawk kollha li għamlu dan ir-restawr possibbli. Dawn il-pitturi huma simboli ħajja tad-devozzjoni tagħna u jfakkruna fl-għeruq profondi tal-fidi fil- komunita tagħna.”

Din l-inizjattiva għandha wkoll sinifikat miżjud hekk kif il-Komunità timmarka l-50 anniversarju mit-tiġrif traġiku tal-bomber RAF Vulcan tal-1975 – tfakkira qawwija tas-saħħa u r-reżiljenza ta’ Ħaż-Żabbar.