Qed issir pressjoni kbira biex min-nhar it-Tnejn li ġej il-Gvern jiftaħ żewġ sulari taċ-Ċentru Reġjonali tas-Saħħa ta’ Raħal Ġdid akkost ta’ kollox. Dan minkejja li l-awtoritajiet tas-saħħa għadhom ma kisbux iċ-ċertifikazzjoni meħtieġa għall-istess żewġ sulari u l-apparat mediku li hemm fihom.
Sorsi li tkellmu ma’ Net News sostnew li f’dawn is-sigħat qed isiru laqgħat fl-istess Ċentru Mediku bl-iskop li jinstabu soluzzjonijiet għal din is-sitwazzjoni, iżda d-direttivi li qed jingħataw mill-Fondazzjoni għas-Servizzi Mediċi huma li akkost ta’ kollox min-nhar it-Tnejn dawn iż-żewġ sulari jridu jibdew joperaw.
Is-sitwazzjoni bħalissa hi waħda diffiċli f’dan iċ-Ċentru għall-fatt li l-awtoritajiet tas-saħħa għad m’għandhomx iċ-ċertifikazzjoni meħtieġa biex dan iċ-Ċentru jkun jista’ jibda jaħdem. Qed jirriżulta li t-testijiet li qed isiru fuq diversi zoni u strutturi ta’ dan iċ-Ċentru qed jagħtu riżultati negattivi iżda minkejja dan, l-awtoritajiet qed jinsistu li nhar it-Tnejn iċ-Ċentru jrid jibda jaħdem. Il-kumpanija barranija li bħalissa qed tagħmel ix-xogħlijiet għandha diversi nies tekniċi u esperti fuq il-post.
Jidher li l-esperti mhumiex qed japprovaw ix-xogħlijiet u mhumiex qed jagħtu ċ-ċertfikazzjoni meħtieġa minħabba li hemm diversi nuqqasijiet.
Il-kwisjtoni dwar dan iċ-Ċentru Mediku f’Raħal Ġdid issa ilha għaddejja s-snin, bil-Gvern ma jkunx kapaċi jżomm mad-deadlines li kien għamel hu stess. Fil-fatt skont diversi esponenti tal-gvern, dan iċ-Ċentru suppost li ilu miftuħ is-snin iżda s’issa għandu ma nfetaħx anki jekk qabel l-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew u tal-Kunsilli Lokali ta’ Ġunju li għadda, il-Prim Ministru u l-Ministru tes-Saħħa kienu żaru l-post u taw l-impressjoni li dan se jkun qed jiffunzjona b’mod immedjat. Il-verità kienet li minkejja din iż-żjara, hekk kif il-Prim Ministru u l-Ministru tas-Saħħa ħallew il-post u ntemmet il-konferenza tal-aħbarijiet, iċ-Ċentru reġa’ ngħalaq u baqa’ magħluq.
Minn dakinhar, il-Gvern kien taħt pressjoni kbria biex isib soluzzjoni għal din il-problema, aktar u aktar meta jirriżulta li x-xogħlijiet li kellhom jitwettqu fuq ġewwa fil-fatt kienu saru u kulma kien jonqos kien iċ-ċertifikazzjoni. Quddiem din is-sitwazzjoni, il-Ministru tas-Saħħa bidel diversi pożizzjonijiet meta l-ewwel qal li kulma kien jonqos kien biss iċ-ċertifikazzjoni tal-appart mediku li hemm fil-post u aktar tard sostna li kien jonqos ferm aktar minn hekk biex dan iċ-Ċentru jintefaħ.
//= $special ?>